Ara: F’Malta persuni jinġiebu biex jaħdmu l-pornografija

Din il-ġimgħa, fost l-oħrajn, il-programm ‘Popolin’ stħarreġ l-isfruttar tal-persuni f’pajjiżna. Pjaga soċjali, li qed tħalli mpatt fuq bosta persuni vulnerabbli li qed jispiċċaw vittmi ta’ skjavitù modern.

Fl-2019 il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali kienet ta’ spalla għal 48 persuna li talbu l-assistenza tagħha l-għaliex kienu qed jiġu sfruttati.

‘Popolin’, b’mod esklussiv xandar storja ta’ tfajla Filippina li ġiet fi xtutna sabiex taħdem f’dar ta’ familja sinjura. It-tfajla kienet imwiegħda għajxien u paga dinjitużi għal xogħol fid-dar. Irriżulta, li minn dak kollu imwiegħed ma kien hemm xejn u din it-tfajla spiċċat tgħix maħkuma mill-miżerja ta’ din il-familja fejn saħansitra sforz ta’ dan it-trattament spiċċat tilfet 20 kilo f’anqas minn xahrejn. It-tfajla, minflok ikla diċenti, kienet tingħata noodles, kafè u ħobż biss.

Iżda, din mhix l-unika raġuni għaliex persuni jinġiebu f’pajjiżna. Jidher, li tfajliet u ġuvintur qed jiġu mistiedna f’pajjiżna bil-għan li jipparteċipaw fi produzzjonijiet pornografiċi. Dan ikkonfermatu Dr Lara Dimitrijevica għall-mistoqsija tal-preżentatur Quinton Scerri.

Il-pornografija f’Malta hija segwita u mfittxija minn bosta. Statistika turi kif siti internazzjonali ta’ pornografija jikklassifikaw mal-aktar għaxar siti popolari mal-Maltin.

F’kummenti lil ‘Popolin’ għas-sit tvm.com.mt is-sesswologu Matthew Bartolo qal li l-pornografija meta wżata b’mod matur u ristrett ma tagħmilx ħsara. Għalkemm, żied jgħid li l-individwi li jsibuha diffiċli biex ikollhom x’jaqsmu mas-sieħeb jew sieħba tagħhom minħabba nuqqas t’aptit għadhom bosta. Is-sesswologu spjega li dan jista’ jkun minħabba l-fatt li dak li jkun ikun dara b’ċerta stimulazzjoni intensa li s-sieħba jew sieħeb ma jistgħux jagħtu.

Intant, statistika riċenti turi li Ġunju huwa l-aktar xahar popolari għall-konsum tal-pornografija f’Malta. Min-naħa l-oħra, fi Frar, f’Malta, il-pornografija tiġi mfittxija l-anqas.