Lokali
Ara: Fost l-aħħar restawraturi tad-dgħajjes f’Għawdex, rabat qalbu mas-sengħa 48 sena ilu

Mario Mifsud huwa fost l-aħħar restawraturi tad-dgħajjes li għad fadal fi gżiritna. Mario ilu jmidd idejh f’dan ix-xogħol 48 sena, u f’Għawdex huwa fost l-aħħar li għadhom jagħmlu dan ix-xogħol.

Minkejja li din is-sengħa x’aktarx li xi darba għad tinqata’ bħal ħafna snajja’ oħra li għandna fostna, Mario stqarr li b’dan ix-xogħol kien u għadu jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum. Sengħa, li Mario daħal għaliha b’ruħu u b’ġismu meta kellu 7 snin.

F’kummenti ma’ ‘Popolin’, Mario qal li meta kien għadu ħalib ommu fi snienu sar midħla ta’ dan ix-xogħol permezz tan-nannu. Żied, li meta kiber, kompla jorbot qalbu ma’ din is-sengħa grazzi għal missieru.

Mario spjega li l-proċess biex jiġu rrestawrati l-bċejjeċ tal-baħar huwa wieħed rigoruż ħafna u li jitlob paċenzja liema bħalha.

Hu u jirrestawra luzzu li għandu 81 sena, Mario fisser li qabelxejn lid-dgħajsa jdurilha l-injam. Imbagħad, ix-xogħol ikompli fuq in-naħa ta’ barra tad-dgħajsa u fost l-oħrajn jinkludi t-teknika tat-tqalfid. Jiġifieri, meta r-restawratur tad-dgħajjes idaħħal l-ispag bejn it-twavel biex wara, fost l-oħrajn, ikun jista’ jagħti ż-żebgħa. Mario spjega, li b’xogħlu jerġa’ jagħti l-ħajja lil dgħajjes ta’ kull daqs u għamla.