COVID-19
ARA: Fotografu Malti fl-Italja jgħid li l-ħajja ma waqfitx

Il-fotografu Malti Daniel Cilia, li bħalissa jinsab l-Italja minħabba li jgħix hemm f’daru, qal li s-sitwazzjoni fejn jgħix hu mhijiex waħda gravi.

Intervistat bi skype fuq il-programm Dissett fuq Television Malta, is-Sur Cilia qal li minkejja ħafna ippanikjaw meta semgħu li l-Italja se tissakkar, u ġrew lejn l-istazzjonijiet tal-ferrovija biex jaħarbu mir-reġjun tal-Lombardia, qal li ma ħassx li kellu jagħmel dan, minħabba li jinsab komdu f’daru, jieħu l-prekawzjonijiet neċessarji.

Qal li kien ikun iktar ta’ periklu li kieku jiġi f’pajjiżna flimkien ma’ persuni oħra li jaf ikunu infettati.

Hu ddeskriva l-atmosfera fit-Toscana bħala waħda kalma, fejn qal kulħadd qed josserva r-regolament li jżomm metru ‘l bogħod minn xulxin, u fit-toroq ħafna Pulizija iżda nies mill-inqas.

Is-Sur Cilia qal li l-kwarantina f’pajjiżu qed isservi biex jaħdem iktar mid-dar u jipprova affarjiet li qabel ma kellux ċans għalihom.