Ara: “Frenċ tal-Għarb ilu li qalilna bil-pandemija 60 sena!”

Lil Frenċ tal-Għarb, Maria Mifsud tiftakru sew. Frenċ, kien il-parrinu tagħha. F’kummenti ma’ ‘Popolin’, is-Sinjura Mifsud qalet li Frenċ tkellem fuq il-pandemija tal-Covid-19 madwar 60 sena ilu. Qalet, li kien stqarr li għad imutu ħafna nies, li l-ħwienet kienu se jkunu magħluqin u li t-toroq kienu sa jkunu vojta. Ċirkostanzi, li għexniehom u kif fl-aħħar xhur.

Francis Xavier Mercieca, magħruf bħala Frenċ tal-Għarb kien bniedem sempliċi tar-raba’. Kif jeħles minn ġurnata xogħol fir-raba’ kien jerħilha lejn ir-remissa tefgħa ta’ ġebla bogħod minn fejn kien joqgħod biex jaqdi lin-nies. Ir-remissa, Frenċ kien idum sa tard bil-lejl u qabel jaqdi lil kulħadd ma kienx jitlaq.

Kien imur għandu kważi kważi kulħadd – tfal, adulti, anzjani, nies tal-post u anki Għawdxin barra mir-raħal. Kif beda jieħu l-fama anki l-Maltin bdew iżuruh.

Lil Frenċ kienu jgħidulu x’uġigħ kellhom, kien iħallat ingwent magħmul mix-xaħam u l-ħwawar meħudin mill-ħxejjex skont il-bżonn, kien idellek fejn meħtieġ u kien jitlob lill-Madonna Ta’ Pinu.

Frenċ kien joffri l-ingwent lin-nies u kien jgħidilhom biex ikomplu jidilkuh kull filgħaxija għal tant żmien. Fuq kollox, kien jgħidilhom biex imorru jinvistaw lill-Madonna u lil min ried jagħtih xi ħaġa tal-flus kien jgħidlu biex jagħtiha lill-Madonna. Somom, li bihom Frenċ għamel il-Via Sagra li żżewwaq l-għolja Ta’ Għammar u l-iskultura kollha tas-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu.