Annimali
“Meta l-ikel ma jibqgħux jiħduh ngħidu: Alla jberikhom, f’idejn in-natura”

Iż-żewġ pari ta’ barbaġann li qed jinżammu f’guvi fir-Razzett tal-Bagħal fil-Buskett bdew iħallu l-frott hekk kif faqqsu żewġt ifrieħ tagħhom.

Il-proġett ta’ konservazzjoni mill-FKNK għandu l-għan li terġa’ titkattar il-popolazzjoni tal-barbaġann wara li b’mod kontrollat il-frieħ jidraw l-ambjent u jkunu jistgħu jfendu ghal rashom fis-selvaġġ.

L-ewwel żewġt ifrieħ tal-barbaġann li faqqsu il-ġimgħa l-oħra huma l-bidu ta’ programm ta konservazzjoni imniedi mill-Federazzjoni Kaccaturi Nassaba Konservazzjonisti biex terġa’ titkattar il-popolazzjoni tal-barbaġann.

Il-koordinatur tal-proġett, Raymond Cordina, qal li qed jimxu fuq prattiċi mħaddma b’suċċess fl-Ingilterra, magħrufa bħala hacking. Fi żmien erba’ ġimgħat, il-frieħ se jitpoġġew f’guva oħra minn fejn ikunu jistgħu jidħlu u joħorġu biex jibdew jidraw jittajjru fis-selvaġġ.

“Nibqa’ intihom l-ikel fil-bejta, huma jkabbru r-rix kollu u jkunu kapaċi jtiru l-ewwel, imbgħad isibu il-bieb ta’ barra,” spjega s-Sur Cordina. “Aħna nittamaw li jerġgħu jibdew jiġu lura għall-ikel u nibqgħu nitimgħuhom. Meta l-ikel ma jibqax jittieħed ngħidu ‘Alla jberikhom, f’idejn in-natura’, għax dak nisperaw li jfisser li bdew jikkaċċjaw.”

Is-sur Cordina spjega li huwa importanti li dawn ma jkollhomx kuntatt man-nies, madankollu l-proċess kollu tat-trobbija jista’ jiġi segwit permezz ta’ live stream minn kamera li hemm fil-guva. B’sens ta’ passjoni stqarr li fl-aħħar jiem ra xena li mlietu b’kuraġġ li l-proġett għad jirnexxi.

“Osservajna lill-ġenituri tal-boton li għandna jitimgħu lil xulxin ġrieden. Issa jien mhux nitma ġrieden, bilfors daħlu mill-ħamrija tal-guva u l-ġenitur, ir-raġel, ikkaċċjahom, qisu qatt ma kien fil-magħluq dan. Għax qabad tnejn. La jkunu fis-selvaġġ imorru jikkaċċjaw u jkunu self sufficient.”

Is-sur Cordina jittama li wħud minnhom jiffurmaw pari, u jibdew ibidu biex jitkattru fis-selvaġġ. Qal li l-ewwel sena mindu jfaqqsu huwa l-aktar diffiċli, tant li wieħed minn kull 10 biss isalva. Żied li permezz tal-proġett jistgħu jsalvaw 7 minn kull għaxar barbaġanni.

Il-President tal-FKNK, Joe Perici Calascione, qal li b’dan il-proġett jifforma parti mill-kontribut tal-federazzjoni lejn il-bijodiversità. Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri qal li dan il-proġett sar b’inizjattiva tal-wild birds regulation unit, li offriet fondi għal-għaqdiet li jaħdmu fil-qasam tal-konservazzjoni tal-għasafar.

Ara wkoll:

L-FKNK se terġa’ tintroduċi l-barbaġann fis-selvaġġ

Aħbarijiet Oħra
Storja

Magna ta’ ajruplan tal-gwerra, li possibilment iġġarraf fit-Tieni Gwerra Dinija, kienet irkurprata minn qiegħ il-baħar fil-bokka tal-Port il-Kbir wara ħidma konġunta bejn l-Università ta’ Malta, Heritage Malta u l-Forzi Armati….

Teknoloġija

Wara l-ajruplani, issa anke l-vetturi bdew jiġu jiġu mgħammra b’kaxxa sewda, li normalment tkun f’nofs il-vettura. Għalkemm s’issa din mhijiex obbligatorja, aktar manifatturi tal-karozzi qed jinkluduha. Fost aktar miżuri biex…

Infrastruttura

Waħda mill-kawżi ewlenin ta’ ħruġ ta’ drenaġġ fit-triq u fil-baħar ġejja minn katusi tal-ilma tax-xita li qed jitqabbdu direttament mas-sistema tad-drenaġġ. Jirriżulta li ħafna ma jafux li dan hu l-każ…

NGOs

Seba’ għaqdiet mhux governattivi Maltin se jwettqu tmien proġetti fl-Afrika bl-għajnuna ta’ madwar nofs miljun ewro mill-programm tal-għajnuna għall-iżvilupp tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin. Il-proġetti jvarjaw minn skola ġdida għall-bniet f’żona rurali…

Aktar