Akwakultura
ARA: Gaġġa tal-ħut tittella’ fil-bajja tal-Magħluq waqt li n-nies qed tgħum

Fl-aħħar ġimgħat residenti u persuni li jżuru l-bajja magħrufa bħala l-Magħluq f’Marsaxlokk esprimew diżappunt għall-fatt li tagħmir goff tal-fish farms kien qed jittella’ fuq il-bajja.

Il-Kunsill Lokali qal li dan ix-xogħol jista’ jsir sa April, filwaqt li l-federazzjoni tal-akwakultura qalet li gaġġa tal-ħut ittellgħet minħabba tiswijiet ta’ emerġenza.

Il-bajja tal-Magħluq hija waħda minn żewġ bajjiet biss fin-naħa t’isfel ta’ Malta fejn huwa permessibbli għal persuni biex imorru jgħumu bil-klieb tagħhom.

Filmat miġbud minn persuna li kienet fuq il-bajja nhar il-Ħamis li għadda juri kumpanija tal-akwakultura ttella’ waħda mill-gaġeġ waqt li n-nies qed jgħumu ftit passi ‘l bogħod. Minbarra l-gaġġa kbira li ħadet parti kbira mill-bajja, kien hemm iduru wkoll vetturi goffi li għamluha impossibbli għan-nies biex joqgħodu fuq il-bajja.

Mistoqsi minn TVM dwar din is-sitwazzjoni, il-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk qal li huwa jippermetti li dawn il-gaġeġ jittellgħu l-art sa ċertu żmien, u li l-permess biex dawn il-gaġeġ jittellgħu fuq din il-bajja għalaq fl-aħħar t’April 2021.

Mistoqsi jekk hux se jkun qed jieħu azzjoni fuq dan l-ingombru, il-kunsill qal li dejjem jieħu azzjoni fuq kull tip ta’ ingombru illegali f’Marsaxlokk, iżda esprima dispjaċir li dawn it-tip ta’ azzjonijiet jeħodhom waħdu mingħajr għajnuna minn xi entità oħra.

B’referenza għal dak li seħħ il-Ħamis, il-Federazzjoni Maltija tal-Produtturi tal-Akwakultura qalet lil TVM li din il-gaġġa partikolari kellha bżonn tiswijiet ta’ emerġenza, u għalhekk ittellgħet fuq il-bajja mal-lejl u reġgħet tniżżlet l-għada matul il-jum. Sostniet li mhux qed jittellgħu iktar gaġeġ fuq din il-bajja.

Il-federazzjoni żiedet li x-xogħol ta’ manutenzjoni fuq il-gaġeġ sar b’mod regolari fiż-żmien li l-operaturi kellhom il-permess li jużaw il-faċilità tal-Magħluq.

Mistoqsija għalfejn dawn ix-xogħljiet ma jsirux fi bnadi iktar addattati, il-federazzjoni qalet li faċilitajiet oħra għal xogħlijiet simili huma limitati peress li qalet li f’Malta m’hawnx port adegwat li jista’ jilqa’ u jintuża mis-sajjieda u l-akwakultura għall-ħtiġijiet tagħhom, u appellat biex il-pajjiż ikollu faċilitajiet għal dawn iż-żewġ industriji.