COVID-19
ARA: Għadd ta’ passiġġiera bla maskra fuq il-Gozo Channel

Persuna li kmieni waranofsinhar illum kienet fuq vapur tal-Gozo Channel qalet li kien hemm ħafna nies mingħajr maskra, anki jekk l-ispezzjonijiet mill-awtoritajiet għadhom għaddejjin b’mod regolari.

Filmat li ġibdet l-istess persuna juri li minn dawk li kienu madwarha, ħafna minnhom neżgħu l-maskra, hekk kif din tidher imdendla m’għonqhom, f’idejhom, jew biswithom fuq il-bank.

Persuni oħra li tkellmu ma’ TVM ukoll qalu li fl-aħħar jiem osservaw xi persuni mingħajr maskra fuq il-vapur, u li fil-biċċa l-kbira tagħhom dawn kienu turisti.

TVM infurmat li fl-aħħar jiem is-Supretendenza tas-Saħħa Pubblika u l-Awtortità għat-Turiżmu, assistiti mill-Pulizija, kienu qed iwettqu spezzjonijiet regolari fuq il-Gozo Channel. Dan kien ikkonfermat minn passiġġiera li nzertaw lill-pulizija jagħmlu rondi fuq il-vapur.

Mill-banda l-oħra, il-Kap Eżekuttiv tal-Gozo Channel, Joe Cordina, iċċara li l-infurzar u l-multi mhumiex kompetenza tal-kumpanija. Qal li l-ħaddiema tal-vapur jiġbdu l-attenzjoni tal-passiġġiera huma u telgħin fuq il-vapur, iżda l-irwol tagħhom jieqaf hawn.

Kull min jinqabad mingħajr maskra fuq il-vapur jista’ jeħel €50.

Filmat: Smudge Thomson – Facebook