Kultura
ARA: Għaddej ir-restawr tal-kwadru titulari tal-Bażilika ta’ Santa Liena

Il-kwadru titulari tal-Bażilika ta’ Santa Liena f’Birkirkara għaddej minn proċess ta’ restawr li beda f’Ottubru li għadda. Xogħol tal-pittur Francesco Zahra, dan il-kwadru li juri lil Santa Liena ssib is-salib ta’ Kristu fl-Art Imqaddsa, huwa l-ikbar kwadru fuq tila li pitter Zahra.

Il-kwadru titulari tal-Bażilika ta’ Santa Liena f’Birkirkara huwa l-ikbar xogħol fuq tila tal-pittur Francesco Zahra li ħadem fuq dan il-kwadru fl-1763. Kif spjegalna l-Prepostu Monsinjur Paul Carmel Vella, fis-seklu tmintax, Francesco Zahra kien meqjus bħala wieħed mill-aqwa pitturi li kien hawn f’Malta.

Monsinjur Vella qal li kien ilu jinħass il-bżonn li jsir ir-restawr ta’ dan il-kwadru. Ir-restawraturi ta’ Atelier del Restauro diġà ilhom minn Ottubru għaddejjin b’dawn ix-xogħlijiet. Dan ir-restawr qed isir minn Valentina Lupo, mgħejjuna minn Maria Grazia Zenzani.

Valentina Lupo qalet “il-verniċ sfar u ma dan il-verniċ sibna akkumulazzjonijiet kbar ta’ nugrufun li ġej mix-xemgħat li ovvjament bħala parti mil-liturġija jinxtegħlu quddiemu fuq l-artal. Il-parti ta’ fuq kienet l-iktar parti maħmuġa, allura hemm intervent twil mhux ħażin ta’ tindif fejn permezz ta’ metodu ta’ tindif li jinvolvi 3 steps, aħna qegħdin inneħħu l-verniċ l-antik, l-overpaintings għax fil-passat dan ġie restawrat u qabel ir-restawr kien isir mill-artist u allura dawn kienu jirtukkjaw f’żoni fejn m’għoġobhomx, interpretaw ċerta partijiet tal-kwadru kif xtaqu, u dawk se jitneħħew u se jitneħħa wkoll dan in-nugrufun u l-ħmieġ li hemm fuqu.”

Meqjus bħala wieħed mill-aqwa xogħlijiet ta’ Francesco Zahra, dil-pittur kif spjegalna l-Propostu Monsinjur Vella jirrappreżenta r-rakkont ta’ Santa Liena ssib s-salib ta’ Kristu fl-Art Mqaddsa.

Monsinjur Paul Carmel Vella qal “dana sabitu min imur il-Palestina jidħol Ġerusalemm, jinżel fil-bir u jsib fejn propju sabet dan u mbagħad hi bniet din il-Bażilika. Bnieha t-tifel tagħha, l-Imperatur imma fuq l-imbuttaturi tagħha. Filfatt nistgħu naraw fin-naħa t’isfel tal-pittura anke statwa mkissra il-għaliex it-tradizzjoni tgġidilna li propju f’dak il-post kienu bnew tempju pagan propju biex iħassru t-tifkira ta’ fejn Kristu kien issallab.”

Ir-restawr tal-kwadru titulari tal-Bażilika ta’ Santa Liena f’Birkirkara mistenni jitlesta għall-ħabta ta’ Ġunju, ftit qabel il-festa ta’ din il-parroċċa.

 

Aħbarijiet Oħra
Stejjer Umani

Mandy Vella li għandha 24 sena biss qed tgħix bi tbatija kbira minħabba li tbati b’Cystic Fibrosis. Hija tgħid li din qed taffettwalha l-pulmun u l-firxa, tbati bil-qtugħ ta’ nifs…

Avjazzjoni

Fl-istorja Maltija tal-avvjazzjoni, l-1969 ma kinitx l-isbaħ paġna. F’temp ta’ tliet xhur, nofs seklu ilu, seħħew żewġ disgrazzji tal-ajru b’ajruplani militari. L-istorja tagħhom hija fost kważi elf inċident tal-ajruplan li…

Lokali

Il-Fondazzjoni Blue Light, imwaqqfa mis-Surġent Simon Schembri mistennija tiftaħ l-ewwel dar tagħha biex tilqa’ fiha uffiċjali tal-forzi dixxiplinati li jweġġgħu waqt il-qadi ta’ dmirijiethom. Il-Ħadd filgħodu f’Ħal Safi saret attività…

Għawdex

Dalgħodu f’Dar Arka, Għajnsielem, saret quddiesa mmexxija mill-Isqof ta’ Għawdex, Mario Grech bħala talba ta’ radd il-ħajr lil Alla fi tmiem il-mandat tal-President Marie-Louise Coleiro Preca. Fi kliem il-President, l-Ewkaristija…

Aktar