Elezzjoni
AĠĠORNAT: Jean Claude Micallef elett Membru Parlamentari

Meta l-Parlament jerga’ jiltaqa’ x-xahar id-dieħel ser ikollu deputat ġdid, Jean Claude Micallef, li ġie elett f’elezzjoni każwali fit-tielet distrett flok Helena Dalli li issa bdiet isservi bħala Kummissarju Ewropew. Fl-ewwel kummenti tiegħu, is-Sur Micallef qal li l-ħidma tiegħu fil-Parlament ser tiffoka fuq l-għaqda nazzjonali.

L-elezzjoni każwali fit-tielet distrett għas-siġġu vakat minn Helena Dalli, ħadet madwar ħames sigħat.

Fl-ewwel gġadd, is-sindku ta’ Wied il-Għajn Mario Calleja kiseb l-akbar għadd ta’ voti fl-ewwel għadd. Is-sitwazzjoni iżda bdiet tinbidel fit-tieni għadd tal-voti meta Jean Claude Micallef beda jiret aktar voti mis-sur Calleja. Għall-elezzjoni każwali li tmexxiet mill-Kummissjoni elettorali fiċ-ċentru tal-għadd tal-voti fin-Naxxar ikkontestaw erba’ kandidati li fl-aħħar elezzjoni kienu ħarġu fit-tielet distrett.

Fl-ewwel kummenti wara li ġie elett, Jean Claude Micallef qal li l-ħidma tiegħu fil-parlament ser tiffoka fuq l-għaqda nazzjonali.

“Ser inkun qiegħed ningħaqad fl-għola istituzzjoni tal-pajjiż fi żmien delikat u sensitiv, għaldaqstant ser nara li nkun qed nikkontribwixxi għal għaqda nazzjonali, dik li ninfatmu mit-tribaliżmu politiku”.

Il-proċess tal-għadd tal-voti sar bil-mod tradizzjonali minħabba li l-elezzjoni tal-2017 kienet għadha ma daħlitx is-sistema tal-għadd tal-voti b’mod elettroniku.

Ara wkoll:

Jagħlqu n-nomini għall-elezzjoni każwali fuq it-3 Distrett