Kultura
ARA: Għadek tiftakarhom dawn il-karozzi tal-linja?

Sala Speranza fl-Isptar Monte Karmeli nbidlet f’vetrina ta’ kollezzjonijiet minjaturi ta’ aktar minn elf u ħames mitt mudell, fosthom mudelli ta’ karozzi tal-linja antiki maħduma bl-idejn.

Mudelli antiki tal-karozzi tal-linja maħdumin bl-idejn, bir-rotot u l-kuluri differenti, qed jagħtu bixra nostalġika fil-wirja annwali tad-Die Cast & Scale Model Society li qed tittella’ fl-Isptar Monte Karmeli.

“Hawnhekk naraw ir-rotot ta’ Birkirkara, li kien l-unika lokal li kellu żewġ rotot. Minn Birkirkara għall-Belt u Birkirkara għal San Ġiljan, kif ukoll ta’ Birżebbuġa, bil-kuluri tar-raħal li għadhom jintużaw sal-lum, u tal-Mellieħa abjad fil-faxxi lesti,” spjega Alan Saliba, President tad-Die Cast & Scale Model Society.

Alan Saliba qal li l-kuluri tax-xarabanks kellhom skop partikolari. “Kien hawn ħafna nies illitterati, allura ma kinux jafu jaqraw in-numri jew l-isem tal-lokalità. Għaldaqstant kienu jagħrfu x-xarabank li tkun qed toqrob permezz tal-kulur.”

Din il-kollezzjoni ta’ xarabanks hi waħda minn 33 kollezzjoni li jvarjaw minn mudelli ta’ karozzi antiki għal mudelli kummerċjali u anki sportivi, fosthom kollezzjoni ta’ karozzi ta’ ditta li din is-sena għalqet 50 sena.

“Ħafna minnhom iqisuha li hu toy. Fil-fatt huwa collector’s item illum il-ġurnata, u qed inħajjar lil ibni li mill-kollezzjoni li hawn, biex jibda jġemma’ dawn it-tip ta’ karozzi,” qal il-kollezzjonist Stephen Borg.

Għal Stephen Borg, li jaħdem fil-ħadid, dawn il-mudelli għandhom sinifikat,anki ambjentali. “Illum il-ġurnata qed isiru minn ħadid riċiklat, allura minn xi ħaġa li aħna narmu, qed toħloq xi ħaġa li se tibqa’ għal dejjem għall-kollezzjonisti.”

Sydney Zammit, li hu mekkanik irtirat, għandu namra għall-mudelli ta’ karozzi tas-servizzi, fosthom dawk tat-tifi tan-nar. “Dejjem ġo fija kienu l-karozzi. Illum m’għadnix narma u nsewwi karozzi ta’ vera, imma għall-inqas baqa’ ġo fija għax għandi mudelli, ġieli mmodifikajthom jien ukoll.”

Fost attrazzjonijiet oħrajn, mudell tal-ajruport ta’ Malta komplut bl-ajruplani u mudell ta’ ċirklu komplut sal-inqas dettall. Il-wirja se tibqa’ miftuħa sal-Ħadd.

Aħbarijiet Oħra
Internet

Riklami foloz fuq Facebook bi stejjer dwar kif personalitajiet Maltin saru miljunarji wara li investew flushom, huma qarrieqa. Il-Kampanja Nazzjonali għall-Għarfien u Edukazzjoni dwar is-Sigurtá Diġitali, wissiet lill-pubbliku biex joqgħod…

Saħħa

Bl-influwenza tilħaq l-aqwa tagħha f’dawn il-jiem, l-Isptar Mater Dei sa dalgħodu anke kellu numru ta’ pazjenti fil-kuridur minħabba li s-sodod kollha jinsabu mimlija. Madankollu l-awtoritajiet tas-saħħa ċaħdu li l-virus tal-influwenza…

Safar

Waħda mid-destinazzjonijiet li qed issir ferm popolari magħna l-Maltin, hija bla dubju l-Marokk. Pajjiż li joffri attrazzjonijiet varji u interessanti. L-oriġini ta’ dan l-isem ġej minn Marrakesh, belt fin-nofsinhar ta’ dan il-pajjiż…

Kronaka

Kompliet illum il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Jelle Rijpma li qed jiġi akkużat bil-qtil tal-ex maħbuba u kollega tiegħu Shannok Mak, li nstabet b’għonqha mħanxar f’Santa Venera. Mill-kumpilazzjoni, ħareġ li l-ġuvni…

Aktar