Unjoni Ewropea
ARA: Għadha relevanti l-Unjoni Ewropea?

Fil-jiem li għaddew stħarriġ ikkummissjonat mill-Kummissjoni Ewropea wera li 44% taċ-ċittadini Ewropej jemmnu li hemm bżonn bidla fil-mod kif qed titmexxa l-Unjoni Ewropea u l-istituzzjonijiet tagħha. Dawn qalu li jemmnu li hemm bżonn riformi kbar sabiex din tibqa’ relevanti għaż-żmienijiet tal-lum.

Fid-dawl li fiż-żmien li ġej mistennija titnieda l-konferenza dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea, il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Laburista tal-Parlament Ewropew, Alfred Sant, qal li din diġà bdiet fuq sieq ħażina għal fatt li kellha tittardja minħabba il-pandemija, kif ukoll li ma kienx hemm qbil bejn l-istess istituzzjonijiet għal mod kif għandha tiġi organizzata.

Dr Sant esprima d-dubji tiegħu għal kemm din il-konferenza kapaċi tħalli impatt reali fuq iċ-ċittadini Ewropej, fosthom dawk Maltin.

“Li toħroġ ideat ġodda tista, li toħloq orizzonti ġodda tista’, pero kollox imbagħad jiddependi minn kemm se jkun hemm rieda politika sabiex isiru l-bidliet, u frankament naraha ftit diffiċili biex ikun hemm rieda politika li twassal għal bidliet radikali kbar fit-tmexxija tal-Unjoni Ewropea.”

Dr Sant spjega li l-Unjoni Ewropea fl-aħħar xhur ħadmet fuq fronti li għamlu differenza fil-ħajja tan-nies, bħax-xogħol fuq il-programm ta’ irkupru għal wara l-Covid. Qal li dan huwa punt li ċ-ċittadini anke Maltin għandhom ikunu sodisfatti bih. Kritika madanakollu l-programm tat-tqassim tal-vaċċin, li fi kliemu, seta’ jkun aħjar.

“Ma ninsewx li meta ġiet il-Kummissjoni Ewropea biex torganizza l-istrateġija tagħha għal vaċċin ma tantx marret tajjeb.”

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, waqt li rrikonoxxiet l-eżitu tal-istħarriġ, qalet li n-nies jemmnu li l-Unjoni Ewropea għandha tkompli tiġġedded, sabiex taqdi l-ħtiġijiet tagħhom.

“Il-fatt li ċ-ċittadini Ewropej iduru fuq l-UE għax jaraw istituzzjoni li għandha tkompli tiġġedded biex tagħmel differenza fil-ħajja tan-nies hi pożittiva. Fix-xhur li għaddew biex insemmi eżempju wieħed ħdimna fuq il-joint procurement għall-vaċċin ta’ kontra l-Covid. Dan kien ta’ benefiċċju għal pajjiżi bħal Malta li ma kelliex għalfejn tikkompeti għal vaċċin ma’ pajjiżi kbar, fejn id-domanda hija ferm akbar.”

Dr Metsola żiedet tgħid li din il-konferenza hemm bżonn li tagħti riżultati ċari u konklussivi, u li trid issir b’parteċipazzjoni wiesa’ ta’ nies fosthom taż-żgħażagħ u tas-soċjetà ċivili. Qalet li tistenna li jsiru diskussjonijiet fuq kwistjonijiet bħal ma hu l-ambjent, is-saħħa u l-ekonomija, bil-għan li l-Unjoni Ewropea ma tibqax istituzzjoni tal-passat, iżda wkoll tal-ġejjieni.