Tradizzjonijiet
Ara: Għadha żżomm it-tradizzjoni tar-rakmu u l-ganutell ħajja

Għadd ta’ filmati u ritratti li f’dawn l-aħħar ġimgħat bdew iduru fuq il-midja soċjali mal-erbat irjieħ jixhdu li bosta persuni ġaladarba jinsabu d-dar aktar mis-soltu tawha għal xi xogħol bl-idejn biex jimlew il-ħin.

Lil hinn minn din l-ispontanjetà, għadd ta’ xogħlijiet u snajja’ li jsiru bl-idejn ilhom magħna sekli sħaħ. Sa mis-seklu 16 fil-gżejjer Maltin diġà kien hawn bil-bosta snajja’ ta’ dan it-tip li partikolarment kienu jsiru bejn l-erba’ ħitan tal-kunventi u l-monasteri speċjalment dawk tal-klawsura.

Fost l-aktar xogħlijiet bl-idejn għal qalb il-Maltin, ir-rakmu u l-ganutell. Liema tradizzjoni fl-antik kienet popolari ferm hekk kif il-ganutell kien jintuża biex iżejjen il-knejjes u l-istatwi.

llum il-ġurnata, bħal għadd ta’ tradizzjonijiet oħra, it-tradizzjoni tar-rakmu u l-ganutell bdiet tmajna xi ftit jew wisq ukoll. Fost dawk li minkejja kollox għadhom iżommu din it-tradizzjoni ħajja, Filomena Zammit miż-Żurrieq.

Is-Sinjura Zammit, waqt il-programm ‘Malti Pur’ turi kif tagħmel għadd ta’ dekorazzjonijiet bil-ganutell. B’paċenzja ta’ Ġob u b’ħeffa liema bħalha tieħu l-qisien meħtieġa fuq għajnejha u jirnexxilha tfassal fjuri l-ġmiel tagħhom b’ilwien ta’ kull xorta f’kemm ili ngħidlek.