Ara – Għalfejn persuna ma jirnexxilhiex torqod?

‘Popolin’stħarreġ in-nuqqas ta’ rqad, il-kawżi li qed iwasslu għal dan u x’effetti jista’ jkollhom fuq l-individwu.

Tkellimna ma’ Dr. John Cachia, Kummissarju għas-Saħħa Mentali li tenna li d-diffikultajiet ta’ saħħa mentali jafu jkunu raġuni għalfejn persuna tbati minn nuqqas ta’ rqad. Jeżistu sitwazzjonijiet fejn l-ansjetà twassal biex il-persuna titlef ir-ritmu ta’ ħajjitha. Meta dan iseħħ, jintilef ukoll kull aspett marbut mar-rutina tal-ħajja ta’ kuljum, inkluż l-ikel, ir-relazzjonijiet ma’ qraba u ħbieb, il-mod kif persuna taħseb u taġixxi u anke l-mod kif wieħed jorqod. Dan japplika wkoll għal min ibati minn dipressjoni jew kundizzjonijiet oħra li jaffettwaw kif l-aġir tal-persuna. Għalhekk, in-nuqqas ta’ rqad jista’ jkun sinjal jew sintomu ta’ problemi oħra li qed jiżvolġu fil-persuna għaliex problemi bħal l-ansjetà u d-dipressjoni ma jaffettwax biss il-moħħ imma anke l-ġisem.

Cachia tkellem ukoll dwar sitwazzjoni reali fejn ċertu persuni ma jkunux kapaċi jirraġunaw b’mod loġiku magħhom infushom dwar problemi li jistgħu isolvu u oħrajn li m’għandhomx kontroll fuqhom. Biss il-verità hi li ħafna mid-drabi hija ħafna iktar faċli tgħidha milli tagħmilha. “F’realtà bħal din għandna nkunu onesti magħna nfusna, nippruvaw nirranġaw dak li jista’ jitranġa biss ma nistgħux nerru lilna nfusna naħsbu fuq soluzzjonijiet għal problemi li m’għandhiex kontroll fuqhom”.

Żied jgħid li hu veru li fil-bidu wieħed irid jipprova jgħin lilu nnifsu biex isib ħin għal-mistrieħ biss jekk jara li l-problemi fl-irqad qed jippersistu, ħadd ma għandu għalfejn jiddejjaq ifittex l-għajnuna.