Trasport
ARA: Għaliex il-Maltin iżommu lura milli jużaw il-karozzi tal-linja?

Riċerkatriċi li wettqet studju estensiv dwar l-użu tal-karozzi tal-linja f’Malta sabet li minkejja li l-patrunaġġ żdied fl-aħħar snin, iż-żieda fil-passiġġieri kienet attribwita l-aktar għall-barranin li jgħixu Malta u turisti. Qalet li l-Maltin għadhom ikkakmati wisq mal-karozza u mhux faċli tipperswadihom jużaw il-karozzi tal-linja.

Tliet snin ilu, Therese Bajada, lecturer u riċerkatriċi fl-Università ta’ Malta ikkonkludiet studju f’livell ta’ dottorat li evalwa l-impatt tar-riforma li saret fis-sajf tal-2011 fis-sistema tat-trasport pubbliku.

Dr Bajada intervistat Maltin, barranin li jgħixu Malta, u turisti, biex tifhem kif jaħsbuha dwar is-servizz tal-karozzi tal-linja.

“Flimkien mal-ħin kien hemm ukoll il-kwistjoni ta’ nuqqas ta’ informazzjoni tajba u f’waqtha u dik hija importanti ħafna jekk qed nitkellmu fuq l-użu ta’ servizz,” qalet ir-riċerkatriċi u lettur Therese Bajada.

Mir-riċerka, Dr Bajada ikkonkludiet li ż-żieda fl-għadd ta’ persuni li bdew jagħmlu użu mill-karozzi tal-linja kienet attribwita għaż-żieda fil-barranin li bdew jgħixu Malta, li qalet ħafna minnhom huma dipendenti fuq is-servizz tat-trasport pubbliku.

“Ma żdiedx minħabba li kien hemm xi modal shift minn Maltin li bdew jużaw il-karozzi tal-linja u waqfu jużaw karozza privata tagħom imma żieda fil-popolazzjoni u ż-żieda kienet għax kien hawn iżjed nies jaħdmu Malta minn barrra u m’għandhomx karozza u l-ammont ta’ turisti li żdiedu matul is-snin,” qalet Dr Bajada.

Dr Bajada osservat li hemm rivalità bejn is-sewwieqa tal-karozzi privati u dawk li jsuqu l-karozzi tal-linja għall-ispazju fit-toroq.

“Rivalità biex jużaw l-ispazju fit-triq, u l-użu tal-ispazju fit-triq għandu jkun hemm għal kulħadd, kemm dawk vulnerabbli, hemm minn jimxi u hemm min juża ir-rota u dawn qed jagħmlu kontribut għall-ambjent, u imbagħad fil-piramida, hemm il-karozza tal-linja u fl-aħħar il-karozza,” qalet ir-riċerkatriċi u lettur Therese Bajada.

Qalet li hemm bżonn kampanji edukattivi biex jipperswadu iżjed persuni jużaw il-mezzi tat-trasport pubbliku. Dr Bajada qalet li huwa kruċjali li l-ippjanar fis-sistemi ta’ trasport pubbliku jsir fuq medda twila ta’ snin u jkun hemm iżjed konsultazzjoni ma’ dawk kollha involuti f’dan il-qasam u ma’ min jagħmel użu mill-karozzi tal-linja.