Lokali
Ara: Għaliex tkompli r-rankatura għax-xiri l-għada tal-Milied?

Il-Boxing Day huwa l-jum li huwa tradizzjonalment assoċjat mal-kalma wara l-maratona tal-konsum tal-ikel u xorb u l-frattarija tax-xiri tar-rigali. Hemm madankollu għadd sostanzjali ta’ persuni li ma jkunux xebgħu mix-xiri u jerħulha għall-ħwienet biex jagħmlu xi akkwist waqt is-sales. Imma kemm għadhom popolari? Tvm.com.mt żar il-Belt u tas-Sliema biex jieħu l-kummenti ta’ xi xerrejja.

Qajla għaddew 24 siegħa mill-Milied li t-toroq ewlenin fil-Belt, tas-Sliema u ċentri kummerċjali oħra reġgħu bdew jimtlew bl-attività kummerċjali għas-sales tradizzjonali li f’ħafna ħwienet li jibdew fil-Boxing Day.

Għadd sostanzjali ta’ ħwienet dehru jdendlu t-tabelli biex jindikaw li raħħsu l-prezzijiet tagħhom, min b’għoxrin, min b’ħamsin u min saħansitra anki b’sebgħin fil-mija.

Uħud mix-xerrejja li ltqajna’ magħhom qalu li bakkru kmieni biex jieħdu vantaġġ mill-offerti. Oħrajn qalu li ma joqgħodux jistennew is-sale biex jixtru minkejja li stqarrew li jitħajjru mir-roħs fil-prezzijiet.

Oħrajn li tkellimna magħna esprimew xettiċiżmu dwar il-kwalita’ tas-sales li jkun hawn f’Malta/ Kien hemm b’ironija qal li s-sales huma kbar fit-tabelli biss u mhux fil-prezzijiet.

Sid ta’ ħanut żgħir qalet li jkollha trid jew ma tridx tagħmel is-sale tagħha minħabba li stabbilimenti kummerċjali kbar ikunu pronti jraħħsu l-prezzijiet mill-għada tal-Milied. Hija qalet li l-ħwienet ż-żgħar ikunu diġà ħadu daqqa minħabba r-roħs tal-prezzijiet għall-Black Friday u wriet tħassib li s-sales tal-Boxing Day se jwasslu biex l-għoti tar-rigali jibda jsir għall-ewwel tas-sena u mhux għall-Milied.

Anki fi bliet Ewropej fosthom Londra bdew is-sales bi stħarriġ juri li l-konsumeriżmu waqt Boxing Day batta imqabbel ma snin imgħoddija.
37% tax-xerreja qalu li għażlu li jagħmlu x-xiri tagħhom waqt Black Friday filwaqt li 56% qalu li s-sales tradizzjonali tal-Boxing Day tilfu l-appell tagħhom, b’għadd sostanzjali jgħidu li jippreferu jagħmlu x-xiri tagħhom minn fuq l-internet.

Ara x’qalu x-xerrejja fil-filmat: