Kurżitajiet
ARA: Għalqet 100 sena u ma setgħux iżuruha iżda xorta ngħaqdu biex jawgurawlha

Mary Muscat, li tgħix f’Adelaide, l-Awstralja, għadha kemm għalqet 100 sena. Mary, imwielda f’Bormla, għexet ukoll għal xi żmien f’Birkirkara, qabel emigrat fl-1964.

Qalb Mary baqgħet marbuta ma’ Malta, tant li għadha tara l-aħbarijiet dwar Malta kuljum.

Omm ta’ 7, nanna ta’ 20, buż nanna ta’ 37 u anki buż buż nanna ta’ wieħed, Mary llum għandha familja kbira mxerrda f’għadd ta’ rkejjen madwar id-dinja.

Fl-okkażjoni speċjali ta’ għeluq il-100 sena minn twelidha, qrabatha li jinsabu f’Malta u fi bnadi oħra xtaqu ħafna jżuruha, iżda ma setgħux jagħmlu dan minħabba s-sitwazzjoni tal-Covid-19.

Kien għalhekk li dawn ingħaqdu flimkien biex jawgurawlha permezz ta’ filmat b’messaġġi mill-qalb; mill-kbar sal-iktar ċkejkna.

Intant, familjari oħra ta’ Mary li jinsabu f’Adelaide setgħu jiċċelebraw magħha fiżikament, u għalhekk organizzawlha festin li għalih attendew 150 ruħ, li huwa permessibbli skont ir-regolamenti tal-Covid ta’ South Australia.

Mary tidher li ħadet gost b’dan il-festin, imdawra bi qrabatha. F’messaġġ bil-Malti, Mary rringrazzjathom talli attendew u awguratilhom ħafna saħħa. Ara l-filmat: