Ara: Għawdex mill-għoljiet ta’ Ragusa b’fenomenu naturali

Filmat fuq Youtube, miġbud minn Sqallija u li juri lil Malta u lil Għawdex, ġibed l-attenzjoni ta’ ħafna Maltin li qed jikkontribwixxu biex jagħrfu u jidentifikaw il-postijiet kif jidhru minn madwar 80 kilometru ‘l bogħod.

Minn Sqallija, Malta u Għawdex jidhru hekk. Il-fliegu bejn il-gżejjer u t-Torri ta’ Kemmuna jintgħarfu faċilment. Jidhru t-Tliet Għoljiet li Għawdex hu magħruf għalihom, min-Nadur saż-Żebbuġ, il-Fanal tal-Ġordan u anki ċ-Ċittadella.

Il-filmat inġibed minn Marcella Giulia Pace, minn Ragusa fi Sqallija. Qatt ma ġiet Malta jew Għawdex, iżda l-profil tan-naħa ta’ fuq tal-gżejjer Maltin tagħrfu mill-ewwel, għax spiss tilmaħhom waqt li tkun f’Gatto Corvino fil-limiti ta’ Marina di Ragusa.

Minbarra li għandha interess personali, bħalissa Marcella Pace qed tikkollabora fuq studju xjentifiku dwar il-viżibbilità sal-orizzont u fuq kif il-kurvatura tad-dinja taffettwa d-distanza u sakemm hu possibbli li wieħed jara jew b’għajnejh jew inkella b’lenti fotografika.

“Jinteressawni l-fenomeni fl-atmosfera li nistgħu naraw b’għajnejna. Il-mira tiegħi kienet li nipprova niġbed miraġġi. Fl-aħħar silta mill-filmat ta’ Għawdex, il-gżira tidher qisha ogħla mill-baħar, qisha tiegħla u nieżla ‘l fuq mill-ilma. Dawk huwa propju effett ta’ miraġġ, maħluq mill-evaporazzjoni tal-ilma minn wiċċ il-baħar,” qalet Pace.

Kif hi stess spjegat f’intervista ma’ Television Malta, m’huwiex daqstant rari li Għawdex u Malta jidhru minn Sqallija. Huwa fil-fatt ferm aktar rari li miż-Żebbuġ f’Għawdex tara l-Etna milli li minn Ragusa tara lil Għawdex.

L-importanti li tkun ix-xitwa u jkun f’ħin waranofsinhar biex il-gżejjer Maltin jinqabdu silhouette hekk kif ix-xemx tkun bdiet nieżla minn warajhom. Fid-29 ta’ Diċembru li għadda l-kundizzjonijiet kienu perfetti biex Malta u Għawdex intlemħu minn 80 kilometru ‘l bogħod.

Marcella Giulia Pace tirrakkonta kif sa minn meta kienet żgħira, kienet tisma’ lill-anzjani tal-post jirrakkontaw kif lil Malta kienu jarawha mill-għoljiet ta’ madwar Ragusa. “Jien minn Ragusa u Malta hija oħtna ta’ faċċata. Malta Għawdex u Kemmuna flimkien mal-muntanji Iblei fin-naħa t’isfel ta’ Sqallija jinsabu fuq l-istess pjattaforma ġeoloġika. U dan il-fattur minn dejjem affaxxinani.”

Il-filmat twil tliet minuti u aktar jinsab fuq YouTube hekk kif Marcella Pace qed titlob l-għajnuna tal-pubbliku biex jidentifikaw il-postijiet fuq il-gżejjer Maltin. Diġà kienu ħafna l-Maltin li kkontribwew, bla dubju xprunati mis-sensazzjoni li ħassew meta raw il-gżejjer Maltin minn art oħra.

Aħbarijiet Oħra
Barranin

Ir-Reġina Eliżabetta II tal-Ingilterra dehret fl-akwati ta’ Windsor Castle riekba żiemel. Din hi l-ewwel darba li r-Reġina dehret barra minn meta beda l-lockdown fir-Renju Uniti minħabba l-imxija tal-coronavirus. Ir-Reġina li…

Televiżjoni u Radju

Apparti ‘L-Imnarja Żmien il-Qtil’ li f’dawn il-jiem Television Malta se jkun qed ixandar mill-ġdid mill-arkivji tal-PBS, għada jixxandar dramm ieħor tal-istess kittieb Malti, ‘Sefora’. F’kummenti lil tvm.com.mt, iben Ebejer, is-Sur Damian…

Aktar