Infrastruttura
ARA: Għexu 6 ijiem ġo kapsula biex isewwu katusa tad-drenaġġ f’Għawdex

Żewġ għaddasa qattgħu xejn inqas minn sitt ijiem ġo kapsula biex tkun tista’ tinbidel parti minn katusa ta’ taħt l-ilma li twassal id-drenaġġ ittrattat fil-baħar.

Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qalet li l-operazzjoni ntemmet b’wiċċ il-ġid ilbieraħ, meta l-għaddasa ttieħdu lura fil-Port il-Kbir u nħarġu mill-kapsula.

Ix-xogħol beda l-Ħamis 22 t’ Awwissu, meta żewġ braken fil-Port il-Kbir bdew jiġu attrezzati b’apparat speċjaliżżat, u sas-26 tax-xahar kienu lesti l-provi. Salpaw lejn Għawdex fejn imbagħad ankraw ftit ‘il barra mix-xatt fejn hemm l-impjant.

L-għada l-għaddasa daħlu fil-kapsula (compression chamber) u tniżżlu f’fond ta’ bejn 60 u 90 metru biex jibdew jaħdmu fuq il-katusa l-antika. Matul dan il-perjodu l-għaddasa kellhom jgħixu fil-kapsula, fejn kienu jaħdmu 8 sigħat kuljum, wieħed jaħdem 4 sigħat fuq il-pajp u l-ieħor għassa għal li jista jinqala’.

Il-kapsula kienet tittella’ mill-baħar wara l-jum tax-xogħol, iżda l-għaddasa kienu jibqgħu ġo fiha. L-għaddasa kienu mgħejjuna minn fuq il-barkun fejn ingħataw struzzjonijiet u saħansitra kienet ikkontrollata t-temperatura tagħhom permezz ta’ lbies speċjali.

Il-Ġimgħa l-pajp intrabat f’postu, tlesta x-xogħol, u l-għaddasa daħlu fil-kapsula tagħhom biex jibdew il-proċess tad-dekompressjoni.

Il-barkun, bil-kapsula bl-għaddasa ġo fiha, reġa’ lura fil-Port il-Kbir u fit-2 ta’ Settembru ħarġu l-għaddasa qawwijin u sħaħ. Minkejja dan l-għaddasa baqgħu viċin dawn il-faċilitajiet għal raġunijiet ta’ saħħa u sigurtà.

Il-Korporazzjoni qalet li din l-operazzjoni swiet madwar nofs miljun ewro u kellha bżonn il-koperazzjoni tal-Awtorità Marittima u tal-Port.

Intqal li l-ħsara fil-pajp saret minħabba snin twal ta’ rimi illegali fis-sistema tad-drenaġġ li ħolqu ħsarat kbar fis-sistemi tal-infrastruttura. Dan il-materal irregolari jvarja minn ħmieġ tal-annimali sa materjal ieħor bħal baby wipes.

Segwi fil-filmat din l-operazzjoni kkumplikata:

Ara wkoll:

Se jibdew tiswijiet fil-katusi tad-drenaġġ f’qiegħ il-baħar