COVID-19
ARA: Grazzi lill-eroj ta’ pajjiżna

Fit-toroq tal-ibliet u l-irħula Maltin qed tinstema kelma waħda – ‘Grazzi’.

Apprezzament ta’ poplu wieħed maqgħud lejn it-tobba, l-infermiera, il-paramediċi, il-pulizija, is-suldati, il-membri tad-Dipartiment tat-Tindif u tant ħaddiema oħra li qed jagħtu s-sehem imprezzabbli tagħhom waqt il-pandemija tal-Covid-19.

Dan huwa l-qofol ta’ produzzjoni awdjo-viżiva li ppublika l-Gvern illejla bħala ringrazzjament lil hekk imsejjħa eroj ta’ pajjiżna. Fl-aħħar ġimgħat il-Gvern kien qed jitlob lin-nies biex jibgħatu messaġġi bil-vuċi jew filmati tagħhom lill-professjonisti li bħalissa qegħdin prattikament iqumu u jorqdu fuq il-post tax-xogħol tagħhom biex jagħtu servizz lin-nazzjon li qed jiffaċċja din l-isfida mondjali.

Il-Gvern irċieva mijiet kbar ta’ messaġġi ta’ ringrazzjament u kienu inklużi f’din il-produzzjoni billi ġew proġettati fuq binjiet differenti f’lokalitajiet differenti ta’ pajjiżna.

Simbolu tal-apprezzament wiesgħa li l-poplu kollu qed juri lejn is-sagrifiċċji u d-dedikazzjoni ta’ dawn il-ħaddiema fil-ġimgħat li għaddew u dawk li ġejjin.

Fost il-messaġġi tan-nies lejn il-ħaddiema kien hemm ‘Qed inżommukom fit-talb tagħna’, ‘Lanqas għandna kliem biex nirringrazzjawkom’ u ‘Inħobbukom’