Lokali
Ara: Grupp ieħor t’immigranti rrilokat minn Malta lejn il-Ġermanja

Il-Ħamis filgħodu saret ir-rilokazzjoni ta’ grupp ieħor ta’ immigranti irregolari lejn il-Ġermanja.

Ir-rilokazzjoni saret bħala parti mill-arranġament bejn Malta u l-Kummissjoni Ewropea, maħsub biex jitnaqqas il-piż tal-immigrazzjoni irregolari minn fuq Malta.

L-immigranti ħallew Malta permezz ta’ titjira diretta lejn il-Ġermanja fejn se jkunu jistgħu jkomplu bil-proċess marbut mat-talba tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali.

Il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi fakkar kif ir-rilokazzjoni hija l-unika mezz effettiv kif jista’ jonqos il-piż minn fuq il-pajjiżi tal-fruntiera. Dan filwaqt li l-Gvern qed ikompli jaħdem bis-sħiħ biex jonqsu l-wasliet ta’ immigranti irregolari u jiġu rritornati persuni li ma jkunux jeħtieġu protezzjoni f’Malta.

Din il-ħidma qed tiġi riflessa fiċ-ċifri ta’ din is-sena fejn in-numri ta’ immigranti irregolari li ħallew pajjiżna mill-bidu tas-sena jiżboq in-numru ta’ wasliet ġodda ta’ immigranti.

It-tħejjijiet għar-rilokazzjoni involviet l-assistenza tat-Taqsima tal-Immigrazzjoni tal-Pulizija, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Migrazzjoni u l-Uffiċċju tal-Appoġġ għall-Ażil tal-Unjoni Ewropea. Ir-rilokazzjoni hija ko-finanzjata mill-Unjoni Ewropea, fosthom mill-fond ta’ assistenza ta’ emerġenza taħt il-Fond għall-Ażil, Migrazzjoni, u Integrazzjoni.