Mużika
Ara: Grupp Malti b’kanzunetta ġdida, spiċċat tindaqq f’Milan l-Italja

Ftit ftit, kollox jindika li resqin għan-normalità. Fl-aħħar ġimgħat, il-minġel tal-mewt ħasad il-ħajja ta’ ftit anqas minn nofs miljun ruħ mal-erbat irjieħ. Għalkemm l-imxija tal-Covid-19 ma laqtitx ‘il-gżejjer Maltin b’daqstant qawwa, ilkoll b’xi mod jew ieħor sfajna milquta minn din ir-realtà bla preċedent. Fost l-oħrajn, il-pandemija tat daqqa ta’ ħarta lix-xena mużikali hekk kif kollox kellu jieqaf minnufih.

F’dan l-isfond, il-grupp Malti SCAR f’dawn l-aħħar jiem nieda l-kanzunetta ‘Never Enough’ bil-għan li ġaladarba jidher li qed naqilbu għall-aħjar tkompli titqanqal il-pożittività fost il-pubbliku. Il-kantant ta’ SCAR, Konrad Pule stqarr li l-grupp jinsab għatxan biex jerġa’ jibda jpaxxi ‘l-udjenza bil-mużika tiegħu minn fuq il-palk.

Intant, ‘Never Enough’ qed tindaqq fuq ir-radji lokali u saħansitra qed tinstema’ fuq Radio Atlanta, stazzjon radjofoniku f’Milan l-Italja.

Il-grupp SCAR wera x’isarraf fis-sena 2000 u s-sena l-oħra wara waqfa qasira ħareġ il-kanzunetta ‘By The Way’ li kisbet suċċess ġmielu fuq l-istazzjonijiet tar-radju lokali u li l-vidjow mużikali tagħha rawh madwar 47,000 ruħ fuq YouTube.