Għawdex
ARA: Ġurnata ħidma f’baħar qawwi għall-ekwipaġġ tal-Gozo Channel

B’riħ qawwi mill-Punent Majjistru li laħaq forza tmienja, il-vapuri tal-Gozo Channel fil-fliegu bejn Malta u Għawdex kellhom jaffaċċjaw ħalel kbar tant li anke biddlu r-rotta biex jilqgħu għal mewġ qawwi, billi għaddew minn wara Kemmuna. Fuq wieħed mill-vjaġġi f’baħar qawwi, TVM esperjenza dak li jgħaddu minnu l-Għawdxin li sikwit iridu jaqsmu lejn Malta u tkellem mal-membri tal-ekwipaġġ.

Fil-fliegu u qrib il-portijiet taċ-Ċirkewwa u l-Imġarr ir-riħ kien jaħkem sew u l-ħalel żdied sew.

Madankollu fil-kabina tal-vapur ‘Ta’ Pinu’ tal-Gozo Channel, il-Kaptan t’esperjenza Joseph Vella deher pjuttost kalm għalkemm b’seba’ għajnejn għal kull manuvra li kien qed jagħmel għaliex ir-responsabbiltà tiegħu fuq it-tmun hi kbira ħafna.

“Kull kaptan li jieħu l-vapur f’idejh ma’ din il-kumpanija qed jerfa’ responsabbiltà ta’ €3.3 biljun liability ta’ insurance” qal il-Kaptan Joseph Vella.

Il-kaptan Vella rrakkuntalna li kemm-il darba ra l-baħar għoddu jibla’ l-vapuri, iżda l-aktar esperjenza li jiftakar qisu lbieraħ kienet bejn is-7 u t-8 ta’ Marzu tal-2017, dakinhar li ġġarfet ‘It-Tieqa tad-Dwejra’.

“Kelli baħri li jgħix San Lawrenz u xid-8:45 ta’ filgħodu qalilna jekk ma taqax it-Tieqa llum ma taqa’ qatt u tliet kwarti wara ċempluli u qaluli li t-Tieqa tad-Dwejra waqgħet! Jiġifieri kien hemm baħar kbir dakinhar u nzertajt xogħol jien.”

F’dawn il-kundizzjonijiet tat-temp, il-kumpanija jkollha anqas xogħol.

Il-baħri Joe Galea qal “il-maltemp ikeċċi u l-bnazzi jaqla’ x-xogħol.”

Baħri ta’ veru huwa baħri tal-maltemp u f’dawn il-kundizzjonijiet, l-ekwipaġġ irid jassigura li ma jkunx hemm riskji għall-passiġġieri jew vetturi.

Il-membru tal-ekwipaġġ Joe Rapa qal “bħala trakkijiet jiġu marbutin.”

Bnazzi jew maltemp, il-vapuri tal-Gozo Channel huma l-uniċi li jipprovdu das-servizz bejn Malta u Għawdex. Fuqhom mhux biss tiddependi l-ekonomija Għawdxija iżda anke l-għixien ta’ eluf ta’ ħaddiema Għawdxin li kuljum jivvjaġġaw lejn Malta. Is-servizz rari jiġi sospiż u fl-aħħar sena l-aktar li tħassru vjaġġi minħabba l-maltemp kien fit-28 ta’ Novembru meta tħassru seba’ vjaġġi bir-ritorn.

F’każ ta’ baħar qawwi, il-vapuri jaf jgħaddu għal ftit kenn mill-mewġ minn wara Kemmuna.

F’dawn il-kundizzjonijiet ta’ temp, saħansitra l-baħrin tal-Gozo Channel jaħsbu li l-proġett tal-mina jagħmel ħafna sens anke jekk is-servizz tagħhom jista’ jintlaqat ħa#in.

“Jien Għawdxi u naf xi tfisser kont inqum fis-2am naqbad il-vapur tat-330am u nitla’ lejn Malta għax-xogħol u allura l-mina importanti għal Għawdex speċjalment għal Għawdxin li jaħdmu Malta” qal Giovann Xerri.

Joe Galea qal li favur il-mina mentri Joseph Vella qal li ”l-aċċes ħa jkun iktar ta’ vantaġġ imma naħseb Għawdex bħala Għawdex jinbidel.”

Tonio Lareto, hu wkoll mebru tal-ekwipaġġ qal ”ifhem naħseb li hemm bżonnha hux.”

“Il-mina naqbel magħha jien għax għall-inqas in-nies t’Għajnsielem ma jibqgħux jibilgħu carbon monoxide li qed jibilgħu bħalissa” qal Joe Rapa.

Ix-xogħol preparatorju fuq il-proġett tal-mina miexi ġmielu tant li l-Ministru tal-Infrastruttura, Ian Borg ħabbar li Infrastructure Malta rċeviet seba’ offerti b’valur medju ta’ għaxar miljun ewro u nofs meta għalqet is-sejħa għall-offerti biex l-aġenzija jkollha tim ta’ esperti biex jippjanaw u jwettqu b’suċċess l-iżvilupp tal-mina bejn Malta u Għawdex. Qal li fix-xhur li ġejjin se tinħareġ sejħa internazzjonali oħra biex jintgħażlu l-kuntratturi li se jiddisinjaw, jibnu u joperaw il-mina.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli tistqarr li jkun żball jekk il-kannabis tiġi ppreżentata bħala sustanza li tista’ tintuża għal skop rikreattiv. Waqt il-programm Ras imb ras hija spjegat x’se jagħmel…

Lokali

Il-quddiesa tal-lejla fil-Knisja ta’ Santu Wistin il-Belt, li fiha Patri Deo Debono, kien wieħed mill-konċelebranti kienet l-aħħar waħda tiegħu fil-pubbliku, almenu għalissa. Dan wara li l-Arċisqof Charles J. Scicluna ddeċieda…

Parlament

Il-binja tal-Parlament baqgħet tagħmel l-ilma u dan minkejja skont l-Ispeaker Anglu Farrugia saru xogħlijiet ta’ manuntenzjoni biex tiġi indirizzata l-problema li kienet mill-bidu nett u li kkawżat problemi kemm għall-impjegati…

Aktar