Kostruzzjoni
ARA: Ħaddiema jgħodduha b’waħda – l-OHSA bi kliem iebes

L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) irreaġixxiet għal filmat ta’ żewġ ħaddiema li kienu se jaqgħu mill-għoli wara li falliet is-sistema tal-irfigħ tal-gaġġa li kienu fiha.

Il-filmat, li xxandar fuq il-mezzi soċjali, juri l-ħaddiema li ma kinux lebsin safety-harness. Huma kellhom jiddendlu ma’ ħabel u jixxabbtu sakemm jilħqu lill-kollegi tagħhom li tawhom daqqa t’id biex jaqbżu l-apromorta tal-bejt.

Fi stqarrija l-OHSA qalet li l-filmat la jagħti indikazzjoni tal-post u lanqas ta’ meta seħħ il-każ, għalkemm żiedet li jidher ċar li ma tteħidx f’dawn il-jiem.

L-OHSA kellha kliem iebes għall-fatt li persuni jxandru filmati bħal dawn fuq l-internet mingħajr ma jinfurmawha bil-każ, u qalet li dan ikun ifisser li l-ħaddiema tħallew f’sitwazzjoni ta’ periklu.

Hija spjegat li f’każijiet fejn se jkun se jsir xogħol fl-għoli, idealment għandu jintuża mobile elevated working platform. Jekk dan mhux possibbli, is-sistema tal-irfigħ għandha tkun tiflaħ il-piż kollu tal-gaġġa, tal-ħaddiema, tal-għodda u materjal ieħor.

Żiedet li s-sistema tal-irfigħ, il-gaġġa u slings iridu jkun eżaminati u ċċertifikati minn persuna kompetenti, u għandu jintlibes safety harness imqabbad ma’ anchor point sikur u separat mis-sistema tal-irfigħ. Trid issir ukoll evalwazzjoni tar-riskju minn persuna kompetenti.

L-OHSA saħqet li min josserva sitwazzjonijiet ta’ xogħol perikoluż għandu jirrapporta lill-OHSA mill-ewwel , anki b’mod anonimu, fuq 21247677 jew 99496786, jew b’email: [email protected]