Annimali
ARA: Ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili jsalvaw qattus maqbud fuq arblu

Qattus li lbieraħ tela’ fil-quċċata ta’ arblu fis-Siġġiewi beda jsib diffikultà biex jinżel lura, u spiċċa maqbud fil-għoli u espost għall-elementi.

Persuni li lemħu lill-qattus talbu l-għajnuna tal-awtoritajiet, li tard filgħaxija marru fuq il-post biex iniżżlu lill-qattus.

Ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili telgħu għall-qattus bit-tower ladder, b’filmat miġbud minn persuna li toqgħod f’din it-triq juri lil wieħed mill-ħaddiema jmelles ftit lill-qattus biex jikkalmah qabel ma qabdu.

Il-qattus ma tantx deher jipprotesta għajr għal tnewwieħa waħda x’ħin tniżżel fil-kaxxa tal-vettura tal-Protezzjoni Ċivili.

Fuq il-post kien hemm tistenna ambulanza tad-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali, li ħadet lill-qattus għas-sorveljanza.

Filmat: Rita Felice