Lokali
Ara: “Ħadha mal-40 Malti” – ifittex min ingħata mediċina b’effetti ħżiena fit-tqala

Anatole Baldacchino beda kampanja biex jistħarreġ bir-reqqa l-effetti ta’ mediċina b’effetti ħżiena fit-tqala li kienet tittieħed fis-snin 50 u 60.

F’intervista waqt ‘TVAM’ fuq TVM News+, Baldacchino spjega li l-mediċina Thalidomide kienet tingħata biex tilqa’ għal ħafna mard, fosthom għall-ażma, u kienet prodotta minn mijiet ta’ kumpaniji.

Qal, li t-Thalidomide ddaħħlet f’Malta f’Marzu tal-1958 u baqgħet tingħata fi xtutna anki wara li l-użu tagħha mal-erbat irjieħ tad-dinja kien ipprojbit fl-1961. Fisser, li dan seħħ peress li waqt li Malta kienet taħt il-Gvernatur Ingliż Sir Guy Grantham il-gżejjer Maltin kienu għadhom bla parlament.

Is-Sur Baldacchino jistma li hawn bejn 30 u 40 Malti li safa milqut mill-effetti tat-Thalidomide. Persuni, li llum il-ġurnata għandhom fuq il-50 u s-60 sena. Qal, li diversi Maltin milquta minnha laħqu mietu diġà fl-età ta’ mhux aktar minn 20 sena.

It-Thalidomide kienet tingħata fit-tqala kif ukoll bħala kalmant lill-mara qabel ma twelled. Jekk mogħtija fl-ewwel tliet xhur tat-tqala, il-mediċina setgħet tħalli diformitajiet fit-tarbija, filwaqt li jekk il-mara ngħatatilha qabel ma welldet it-tarbija setgħet tiġi affettwata mentalment.

Is-Sur Baldacchino għaddej b’kampanja biex jidentifika lil min għadu qed iġorr il-konsegwenzi tat-Thalidomide. Huwa qed jagħmel dan id f’id mad-Deputat Ewropew Alex Agius Saliba u l-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli. Intant, huwa qal li fil-bidu tas-sena d-dieħla se jippubblika studju li għamel dwar din il-mediċina.

It-Thalidomide ħasdet il-ħajja ta’ mill-anqas 100,000 persuna f’47 pajjiż madwar id-dinja. Għal kull tarbija li għexet minkejja t-teħid ta’ din il-mediċina, erbgħa tilfu ħajjithom.