Lokali
Ara: “Ħafna jgħiduli kemm inti brava u gustuża” – koka Għawdxija ta’ 7 snin segwita minn bosta

Lil Mireille Farrugia, Għawdxija ta’ 7 snin, dan l-aħħar spiċċaw isegwuha mijiet ta’ dilettanti tat-tisjir fuq il-midja soċjali. Popolarità, li Mireille kisbitha permezz ta’ Facebook mindu faqqgħet il-pandemija tal-Covid-19.

F’kummenti ma’ ‘Popolin’, Mireille spjegat li billi fl-aħħar xhur qattgħet ħafna ħin ġewwa bħal ħafna minna, kienet tara lil ommha ssajjar u darba fost l-oħrajn tħajret tmidd idejha fil-kċina hi wkoll. Bdiet issajjar kull nhar ta’ Ħadd m’ommha u bdiet ittella’ filmat wara l-ieħor tat-tisjir fi grupp fuq Facebook.

Viżibbilment sodisfatta, Mireille qalet li fuq Facebook spiċċaw isegwuha bosta persuni, b’ħafna minnhom jiggustawha u jikkumplimentawha. Żiedet, li sa fir-ristorant ta’ missierha ġieli jsaqsu għaliha.

Mistoqsija x’taf issajjar l-aktar, Mireille qalet li tħobb tagħmel l-aktar il-fenek, il-frejjeġ, l-għaġin, il-ħut, il-papra u l-burgers.

Iċ-ċkejkna Mireille tant rabtet qalbha mat-tisjir li stqarret li la tikber tixtieq issir kok.