Reliġjon
ARA: Id-devozzjoni lejn il-Madonna ta’ Pompei fil-Knisja tal-Ġiżwiti fil-Belt

Id-devozzjoni Marjana f’Malta taf għeruq fondi. Kemm kemm inħarsu lejn il-parroċċi dedikati għaliha u anke l-festi tagħna li jixhdu dan kif ukoll ix-xahar li qegħdin fih, Mejjum, li huwa dedikat lill-Madonna.

Waħda mill-isbaħ devozzjonijiet li għandna f’pajjiżna, u li tiġbed ħafna nies fil-festa tagħha, hija l-Festa tal-Madonna ta’ Pompei li ssir nhar it-8 ta’ Mejju.

“Madonna ta’ Pompei, ħarisna bi nhar u bil-lejl” hija talba qasira u popolari tal-Madonna ta’ Pompei fejn kien il-beatu Dumnikan Bartolo Longo li ħadem biex mit-tifrik tal-faqar tal-belt ta’ Pompei fl-Italja jittella Santwarju Marjan dedikat lill-Madonna.

Fl-1875 waslet ix-xbieha tal-Madonna f’Pompei u s-santwarju nnifsu ġie kkonsagrat fis-7 ta’ Mejju 1887.

Id-devozzjoni lejn il-Madonna ta’ Pompei ma damitx ma waslet Malta b’Marsaxlokk ssir parroċċa ddedikata lill-Madonna ta’ Pompei fl-1897.

Fr Nicholas Joseph Doublet, Rettur tal-Knisja tal-Ġiżwiti tal-Belt, qal li  l-ewwel ma daħlet kienet għand is-sorijiet f’Bormla u anke jingħad li għandhom il-gwarniċ oriġinali tal-kwadru li hemm Pompeii.

Anke l-Beatu Nazju Falzon u Monsinjur Giuseppi Depiro huma marbuta mal-knisja tal-Gizwiti u l-qima lejn il-Madonna ta’ Pompeii.

“Għalhekk fl-1898 huwa kien ġie hawn bħala studenti tal-liġi biex jitolbu quddiem ix-xbieha tal-Madonna ta’ Pompei u ħass il-Madonna tgħidlu biex iħalli warajh il-professjoni tal-liġi u jidħol is-seminarju. Dan il-bniedem waqqaf is-Socjetà Maltija tal-Missjunarji ta’ San Pawl li nxterdet mad-dinja kollha”, żied jgħid Fr Doublet dwar Monsinjur Depiro.

Il-knisja tal-Giżwiti fil-Belt tfakkar il-festa liturġika fit-8 ta’ Mejju bit-talba speċjali li matulha din il-knisja, f’nofsinhar, tingħaqad mas-santwarji dedikati lill-Madonna ta’ Pompeii ghal talb speċjali immexxi mill-Arċisqof Charles Scicluna.