Kultura
ARA: Ifakkar kif kienu tal-linja l-antiki

Tfal li għandhom sa 10 snin ma jiftakrux it-trasport pubbliku mħaddem mill-karozzi tal-linja l-antiki. Dilettant ta’ dawn il-vetturi bena mudell li tfal jistgħu jidħlu fih u jieħdu ritratt ta’ tifkira waqt li japprezzaw fost l-oħrajn tradizzjonijiet antiki li nqatgħu, bħat-tberfil.

Fil-garaxx tad-dar, Paul Mamo għandu bħal mużew żgħir li jfakkar il-karozzi tal-linja l-antiki.

“Jien twelidt ġol-karozzi tal-linja, il-passatemp tiegħi hu l-karozzi tal-linja. Ippruvajt ġo dal-garaxx inżomm ħafna affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-karozzi tal-linja. Għandi kollezzjoni kbira ta’ ritratti, biljetti, uniformijiet. L-uniku dispjaċir li għandi hu li ma tidħolx karozza tal-linja ta’ vera, għax kieku daħħaltha fil-garaxx ukoll.”

Fil-garaxx iżda bena mudell ta’ dawn il-karozzi u qed jirfina l-aħħar dettalji.

”Tara t-tberfila, tara affarijiet li t-tfal tal-lum ma jiftakruhomx u ma jiftakruhomx. Se sservi biex it-tfal jidħlu fiha, jieħdu ritratt, isservi ta’ photo boot.”

Il-mudell għandu jlestih fil-ħin sal-Ħadd biex jieħdu l-Buskett għal attività organizzata mill-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli li tiċċelebra tradizzjonijiet Maltin li ħafna minnhom qed jispiċċaw . . . u l-ħajja agrikola.

Is-Sindku ta’ Ħad-Dingli, Sandro Azzopardi qal li “l-attrazzjoni prinċipali hi dik tal-esebizzjoni tan-nagħaġ u tal-ħalib tal-mogħoż u n-nagħaġ li tibda fit-8 a.m. Ikollna l-klieb tal-fenek u tal-kaċċa u kompetizzjoni tal-inbid abjad, aħmar u rose. Ikollna wkoll stands artiġjanali, uħud minnhom sfortunatament qed jispiċċaw mill-pajjiż.”

Fil-ġonna tal-Buskett sibna grupp ta’ tfal li waqt il-btajjel tal-Għid kienu qed jipprepaw għall-attività b’logħob tradizzjonali, waqt li adulti jitħaddtu bejniethom fuq il-ħajja ta’ kuljum. Jispikkaw l-kostumi li nħietu għall-attività, 60 b’kollox.

U biex jinżammu t-tradizzjonijiet, anke servizz ta’ trasport bħala parti mill-Park & Ride se jitħaddem mingħajr ħlas minn ħdejn id-Domus Romana fir-rabat u miċ-ċentru ta’ Ħad-Dingli għall-Buskett b’karozzi tal-linja antiki.