Kostruzzjoni
ARA: Ikisser il-faċċata u jwaqqa’ l-knatan fit-triq

Filmat mibgħut lil TVM juri ħaddiem li dalgħodu beda jkisser faċċata u jwaqqa’ l-knatan fuq il-bankina u fit-triq, b’periklu għalih u għal min ikun għaddej mit-triq.

TVM infurmat li dan is-sit ta’ kostruzzjoni jinsab fi Triq il-Wied fil-Mosta, u li fil-ħin li kienu qed isiru x-xogħlijiet it-triq ma ngħalqitx. Ma jidhirx lanqas li tpoġġa lqugħ madwar il-binja.

TVM għadda dan il-filmat minnufih lill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA), li min-naħa tagħha kkonfermat li se tieħu l-azzjoni neċessarja.

L-OHSA żiedet li kienet tkun f’pożizzjoni aħjar li tieħu azzjoni immedjata li kieku rċeviet il-filmat fil-ħin li kienu qed isiru x-xogħlijiet dalgħodu. Qalet li meta wieħed ma jirrapportax mill-ewwel ikun qed iħalli lill-ħaddiema u lil min ikun miexi fit-triq fil-periklu, b’konsegwenza li jilħaq iweġġa’ xi ħadd.

Kull min jiltaqa’ ma’ ħidma perikoluża huwa mħeġġeġ jirrapporta lill-OHSA, anki b’mod anonimu, fuq 21247677 jew 99496786, jew b’email: [email protected]