Annimali
ARA: Ikkonfiskati mal-40 kelb minn dar f’Birżebbuġa – is-sid beda jirrifjuta li jċedihom

Illum waranofsinhar għexieren ta’ klieb ittieħdu minn dar f’Birżebbuġa wara li jumejn ilu sidhom instab ħati ta’ moħqrija. Antonio Vella nstab ħati li kien qed iżomm 44 kelb fi stat ħażin fi proprjeta fiż-Żejtun, bi klieb oħra li kienu jinsabu fi proprjetà f’Birżebbuġa.

Il-Qorti ordnat li l-klieb kollha jiġu kkonfiskat mill-uffiċjali tad-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali. Madanakollu dalgħodu s-sid beda jirrifjuta li jgħaddi l-klieb lill-uffiċjali, u għalhekk inħareġ mandat biex il-klieb jittieħdu.

F’operazzjoni mill-uffiċjali tal-Animal Welfare flimkien mal-Pulizija waranofsinhar, il-klieb bdew jinħarġu wieħed wieħed mid-dar u jitgħabbew fuq vannijiet tad-dipartiment, bl-ambulanza tal-klieb li wkoll kienet preżenti.

Jidher li xi klieb instabu fi gwardarobbi u oħrajn f’gaġeġ, u minn tal-anqas kelba waħda kienet għadha kemm welldet. Sal-4.00 ta’ waranofsinhar kienu nħarġu 45 kelb, bl-uffiċjali jsibu wkoll ammont ta’ għasafar.

Iktar tard instabu wkoll xi klieb li allegatament kienu għadhom kemm mietu. L-annimali li huma fi stat ħażin ta’ saħħa se jittieħdu l-isptar u l-oħrajn se jiġu eżaminati minn veterinarju, biex wara perjodu ta’ kwarantina jitpoġġew għall-adozzjoni.

Ara wkoll:

€20,000 multa talli żamm 44 kelb f’kundizzjoni ħażina f’daru fiż-Żejtun