Lokali
Ara: Ikkonfiskati mat-300 għasfur tal-għana f’Għawdex – BirdLife

Il-Pulizija ta’ Għawdex u uffiċjali mit-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi, il-WBRU, ikkonfiskaw madwar 300 għasfur tal-għana minn proprjetà f’Għawdex.

Fi stqarrija, BirdLife Malta qalet li l-għasafar ġew ikkonfiskat aktar kmieni dan ix-xahar wara li possibbilment iddaħħlu bil-kuntrabandu fil-pajjiż mill-Italja biex jintużaw bħala decoys għall-insib illegali tal-għasafar.

Qalet, li wara li probabbilment inqabdu llegalment fl-Italja, dawn l-għasafar kienu destinati li jinbiegħu fost in-nassaba lokali u minn ħwienet tal-pets differenti.

L-għasafar ikkonfiskati jinkludu ħames speċi differenti: Apparell, Gardell, Verdun, Ġojjin u Sponsun, li l-parti l-kbira tagħhom kienu frieħ, miżmumin f’kundizzjonijiet ħżiena ħafna u magħluqin f’gabjetti żgħar ħafna.

BirdLife Malta żiedet tgħid li l-għasafar kollha ġew mgħoddija f’idejha biex jiġu rijabilitati, irringjati u biex jerġgħu jinħelsu fis-selvaġġ, wara li l-veterinarji rawhom u taw il-kunsens tagħhom.