Ara – Iktar mill-qrib il-ġranet tax-xogħol tal-korpi dixxiplinati ta’ pajjiżna

Is-sehem fundamentali tagħhom fis-soċjetà huwa li jipproteġu ċ-ċittadini u li jħarsu l-pajjiż, il-korpi dixxiplinati, li f’kull pajjiż madwar id-dinja għandhom rwol importanti ħafna, dan mhux b’inqas f’pajjiżna. Popolin iddiskuta il-korp tal-pulizija, l-armata kif ukoll il-ħaddiema tal-protezzjoni ċivili li minkejja l-ġid li jagħmlu fil-komunitajiet tagħna, minn żmien għal żmien xorta jsibu ruħhom ikkritikati jew fiċ-ċentru ta’ xi kontroversja.

Ramon Mercieca, Assistent Kummissarju tal-Pulizija ta’ Malta tenna li r-riżors uman fi ħdan il-pulizija  huwa l-ikbar assi li għandu l-korp. Kull min jibda din il-karriera għandu ċ-ċans jiżviluppa l-ħiliet tiegħu biex javvanza u jilħaq sal-grad ta’ kummissarju. Popolin tkellem ma’ diversi membri tal-korp li jifformaw parti mis-sezzjoni tal-pulizija fil-komunità li spjegaw li x-xogħol tagħhom mhuwiex li jistennew wara mejda sakemm jinqala xi ħaġa, iżda li jinżlu fit-toroq jitkellmu man-nies u jgħinu biex titneħħa l-barriera bejn iċ-ċittadini u l-korp tal-pulizija; “kultant persuna kull ma tkun trid hi li tismagħha. M’għadux iż-żmien fejn il-pulizija qeda hemm biex issolvi l-problemi waħidha, qegħdin hemm biex flimkien mal-komunità nifhmu ċertu problemi. Ħafna drabi l-membri tal-komunità stess ikunu jistgħu jassistu u jindikaw lill-pulizija kif tista’ tissolva problema”. Tennew li huwa essenzjali li bħala membru tal-korp ikunu proattivi biex il-kriminalità titwaqqaf qabel ma ssir.

Minn naħa tiegħu l-Assistent Kummissarju spjega li l-korp qiegħed jaħdem biex tinbena relazzjoni aħjar maċ-ċittadini biex dak li jkun iħossu iktar kunfidenti jfittex l-għajnuna tal-pulizija. Żied jgħid li l-pulizija għarrfet in-nuqqasijiet li jkunu jsiru fil-passat u għalhekk ittieħdu diversi miżuri biex in-nuqqasijiet li seta’ kien hemm bdew jiġu indirizzati.

Tkellimna wkoll ma’ Kayleigh Gelfo, Lieutenant mill-AFM li spjegat li l-Forzi Armati ta’ Malta hija kunsidrata bħala armata żgħira komposta minn elf u seba’ mitt suldat li mija u tlieta minnhom huma nisa. Għalkemm l-armata hija waħda pjuttost żgħira kull min jifforma parti minna dejjem lest biex fil-mument tal-bżonn jagħti s-sehem tiegħu biex tiġi żgurata l-protezzjoni u s-sigurtà tal-pajjiż.

Emanuel Psaila, Direttur Ġenerali mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili spjega li bħala korpi dixxiplinati jaħdmu ħafna flimkien, fil-fatt f’ħafna mix-xogħol ikun hemm l-involviment tal-pulizija jew l-armata biss għalkemm is-servizz mogħti huwa simili, d-dipartimenti mhumiex l-istess. Psaila spjega li l-ikbar sfida li jiffaċċjaw bħala Protezzjoni Ċivili huma każijiet ta’ nar. Sabiex tibda din il-karriera persuna trid tgħaddi mir-reklutaġġ biex imbagħad tingħata taħriġ estensiv f’kull sezzjoni li tifforma parti mill-protezzjoni ċivili fosthom is-sezzjoni tal-klieb, n-nirien u s-salvataġġi.