Kultura
ARA: Il-banda L’Isle Adam iżżomm l-appuntament annwali fl-Imnarja b’differenza

Bħal-lum fl-Imnarja, il-Banda L’Isle Adam tar-Rabat torganizza kunċert fuq is-Saqajja. Pero din is-sena, minħabba l-imxija tal-Covid-19, il-Pjazza pittoreska tas-Saqqajja fir-Rabat mhux se tkun qed tgħix l-Imnarja bħas-snin l-imgħoddija.

Iżda din is-sena minħabba l-imxija tal-Covid-19, il-kunċert ma sarx bħas-soltu. Minflok il-Kumitat flimkien mal-Kummissjoni tal-Banda fi ħdan l-Għaqda Mużikali L’isle Adam ħasbu sabiex dan l-appuntament jinżamm permezz tal-media soċjali.

Huma ħadu ħsieb jaħdmu filmat qasir biex ittellgħuh fuq il-paġna ta’ facebook ta’ din l-Għaqda Mużikali fejn il-banda L’Isle Adam li daqett fuq it-terazzin spazjuż li għandha fis-sede tagħha f’Palazzo Xara.

Fi sfond mżejjen  bil-bandalori l-bandisti lebsin l-unformi formali daqqew taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur Mro William Debattista . Fost is-siltiet esegwiti hemm l-għanja popolari l-Imnarja b’adattament għal banda li sar mis-Surmast Onorarju Joseph Galeali. Din l-għanja żgur hija timbru ta’ din il-festa folkloristika ta’ pajjiżna.

Sa mit-twaqqif tagħha  160 sena ilu l-banda Dekana u ċittadina L’Isle Adam dejjem tat sehem ewlieni f’din il-festa tradizzjonali ta’ pajjiżna fost oħrajn bil-kunċert li jittella minn din il-Banda Rabtija nhar l-Imnarja filgħaxija li jġib fi tmiemhom iċ-ċelebrazzjonijiet li jsiru kemm fir-Rabat u l-Ġonna tal-Buskett.