ARA – Il-bdiewa Maltin qegħdin ibexxu bid-drones

Illum il-ġurnata d-drones narawhom bħala oġġett komuni użat minn diversi persuni biex jieħdu filmati spettakolari minn angoli differenti. Biss dan l-apparat elettroniku jista’ jintuża għal numru ta’ funzjonijiet oħra.

Tkellimna ma’ Dr. Mario Spiteri, direttur ġenerali fi ħdan il-Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd, Ikel u Drittijiet tal-Annimali. Dr. Spiteri spjega kif id-dipartiment investa f’żewġ drones li permezz tagħhom fil-mument qegħdin jagħmlu proġett pilota biex janalizzaw l-effiċjenza ta’ dan l-apparat fil-qasam tal-agrikoltura. Huwa indika kif l-ewwel drone janalizza l-medda ta’ art ikkonċernata biex jiġi ivverifikat liema parti tal-ħxejjex għandhom il-bżonn tal-bexx. Wara li ssir din l-analiżi l-ewwel drone jgħaddi sinjal lit-tieni drone biex bi preċiżjoni jindikalu fejn għandu bżonn jingħata xi pestiċida. B’dan il-mod jinħlew mill-inqas riżorsi għaliex id-drone għandu preċiżjoni estrema li talloka biss differenza ta’ ċentimentru.

L-użu ta’ drones f’din l-industrija hija xi ħaġa innovattiva. Fil-fatt Malta hija wieħed mill-ewwel pajjiżi fl-Ewropa li għamel tali investiment.  Mistoqsi mill-preżentatur x’inhu l-għarfien tal-bidwi Malti f’dan ir-rigward, Spiteri tenna li llum il-ġurnata hawn bdiewa żgħar li jitgħallmu l-iskola għalhekk jekk ikompli jsir investiment f’dan is-settur sabiex iktar bdiewa jiġu mħajjra jkomplu jaħdmu l-għelieqi filwaqt li jattendu t-taħriġ offrut, il-ġenerazzjoni futura tal-bdiewa Maltin għandha tkun kapaċi timplimenta dawn it-tip ta’ proġetti għal iktar effiċjenza.