Tradizzjonijiet
ARA: Il-coronavirus sab ruħu bħala festun fil-bizzilla tradizzjonali Maltija

Jumejn ‘il bogħod mill-Jum Internazzjonali tal-Bizzilla, grupp ta’ persuni nġabru fil-Mużew Nazzjonali tal-Etnografija, fil-Palazz tal-Inkwizitur il-Birgu, biex jaħdmu bizzilla tradizzjonali Maltija.

Jekk hemm xi impressjoni li l-arti tradizzjonali tal-bizzilla qed tmajna, wieħed malajr jibdel fehemtu meta josserva l-passjoni, l-abiltà u d-diversità fost dawk li għandhom dan il-talent.

Anna Maria Gatt li hija l-kuratriċi fil-Palazz tal-Inkwiżitur u tirriċerka l-bizzilla qalet li l-istorja tal-bizzilla tixhed elementi importanti dwar il-kultura tal-Maltin waqt epoki differenti tal-istorja.

“Tirrifletti wkoll iż-żmien tal-liema perjodu kien il-kostum, per eżempju bħalma qegħdin naraw hawnhekk biex tagħraf l-istil u minn xhiex huwa magħmul, ovvjament trid tfittex fuq ritratti, postcards biex tkun tista tqabbel il-perjodu,” qalet il-kuratriċi tal-Mużew tal-Etnografija, Anna Maria Gatt.

Staqsejna kif il-bizzilla li tinħadem bl-idejn tvarja minn dik li tinħadem bil-magna: “Il-bizzilla tal-magna hija wkoll sabiħa għax hija artiġjanat innifisha imma ovvjament meta tħares lejn tal-idejn, tara l-paragun, waħda hija produzzjoni u l-oħra titla’ bil-mod ħafna.”

Il-Patri Dumnikan, Tonio Mallia Milanes, jistqarr li n-namra tiegħu għall-bizzilla kienet mnebbħa minn ommu. Qed jaħdem biċċa bizzilla għal ommu stess u qalilna li għalih, din l-arti isservi biex tgħinu jirrillassa u jkun iżjed organizzat fil-ħsibijiet tiegħu, l-iżjed meta jkun mħabbat bid-doveri tiegħu tas-saċerdozju u fil-ħidma tiegħu bħala edukatur.

“Meta tibda titgħallem tagħmel id-disinji int u tipprova tkun iktar kreattiv, m’huwiex limitat daqshekk ukoll għax huwa arti, tista’ tqisu bħala xogħol tal-arti għax tista’ tagħmel figuri, per eżempju lestejt darba madonna,” qal Patri Tonio Mallia Milanes li ilu jaħdem il-bizzilla 16-il sena.

Iltqajna wkoll ma’ uffiċjal ta’ pulizija li beda jitgħallem din is-sengħa għax jixtieq jgħaddiha lil bintu. Illum kienet l-ewwel lezzjoni tiegħu.

“Il-quddiem la tikber it-tifla forsi nħajjarha taqbad dan il-hobby, naqra differenti, milli forsi it-tfal tal-lum, mwaħħlin fuq il-computer,” qal Mariano Bonello.

L-għalliema tiegħu, Marica Camilleri, hi veterana f’din is-snajja. Qalet li l-perjodu tal-Covid serva biex tkun kreattiva’ f’din l-arti.

“Il-bizzilla Maltija tradizzjonali naraw ħafna dan il-festuni, il-festuni tas-salib ta’ Malta, il-festun tal-istilla u l-festun tax-xemx, għidt mela għalissa la għadejjin bil-coronavirus nagħmlu l-festun tal-covid-19, kif nimmaġġinah, sibt l-istampi tiegħu fuq l-internet għidt ħa nagħmel maskra bil-festun tal-coronavirus,” qalet Marica Camilleri li tgħallem il-bizzilla.

L-organizzatriċi tal-attività, Anna Maria Gatt qalet li f’Malta hawn iżjed minn 200 persuna li jaħdmu il-bizzilla u tixtieq li jkun hawn aktar nies jitħajjru jitgħallmu l-arti taċ-ċombini biex l-arti tibqa’ ħajja u tkompli tgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb organizzat mill-kunsill nazzjonali tal-ktieb se jsir online l-11 u l-15 ta’ Novembru minflok ma jsejjaħ in-nies f’dar il-Mediterran il-Belt Valletta. Dan minħabba s-sitwazzjoni tal-Covid-19 u l-pariri tal-Awtoritajiet…

Lokali

Melvin Theuma,  l-intermedjarju fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ġie rilaxxat mill-Isptar Mater Dei. Ġimagħtejn ilu huwa ddaħħal l-isptar wara li kien instab f’għadira f’demm b’feriti f’għonqu u fil-kustilji. Dan wara li…

Edukazzjoni

Bil-pjan tal-Gvern hu li f’Settembru jiftħu l-iskejjel, il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnnici qal li għaddejjin taħdidiet biex it-tagħlim tat-tfal isir mis-sena skolastika li jmiss bil-miżuri meħtieġa kontra l-imxija tal-Covid. Dr Bonnici tkellem…

Saħħa

L-operazzjonijiet se jerġgħu jibdew min-nhar it-Tnejn li ġej iżda d-direttivi tal-Outpatients se jibqgħu fis-seħħ. Dan intqal mill-MAM fi stqarrija uffiċjali wara l-aġġornament tal-aħbarijiet li ta d-Deputat Mexxej, Dr Chris Fearne…

Aktar