Reliġjon
ARA: Il-Covid-19 ma qatlitx il-kult tal-Ġimgħa l-Kbira fost il-Maltin

Filwaqt li l-vari u l-purċissjonijiet ser jibqgħu ġewwa minħabba restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet pubbliċi biex titrażżan l-imxija tal-Covid-19, diversi Kunsilli Lokali, Parroċċi, għaqdiet u individwi xorta waħda fittxew modi kif ifakkru l-Ġimgħa l-Kbira.

Xi rħula, bħan-Nadur u Birżebbuġa, għamlu fjakkolata fuq iz-zuntier nhar Ħamis ix-Xirka, bil-għan li tfakkar f’dan il-jum lil dawk li jkunu għaddejjin minn hawn bil-karozza jew bil-pass.

Ma’ dawn ma naqsux sessjonijiet ta’ talb u adorazzjoni mill-arċiprieti u l-kappillani li xxandru b’mod dirett fuq Facebook:

U mingħajr siltiet mużikali addattati għal dan iż-żmien, il-Ġimgħa l-Kbira ma tkunx dak li hi. Din l-atmosfera funebri nħolqot, fost oħrajn, mill-Orkestra Filarmonika Nazzjonali, bl-adattament ta’ Prayer minn Gjorgji Cincievski, kif ukoll minn 28 bandist li daqqew Marcio Funebre, b’kompożizzjoni ta’ Mauro Farrugia:

Oħrajn li kull sena jieħdu sehem fi drammi tal-passjoni, ukoll ħassew in-nuqqas din is-sena, u għalhekk iddeċidew li jxandru fuq il-midja soċjali drammi li saru fis-snin li għaddew.

Hekk għamlet il-banda Beland taż-Żejtun, li qed ixxandar rappreżentazzjonijiet tas-snin l-imgħoddija li jfakkru l-passjoni ta’ Ġesù:

Dawk dilettanti tal-wirjiet tal-Ġimgħa l-Kbira, li s-soltu jkunu miftuħa għall-pubbliku, din is-sena għażlu li minflok jieħdu ritratti u filmati tal-wirjiet tagħhom u jippubblikawhom fuq il-midja soċjali biex jitgawdew virtwalment:

Ara wkoll:

Ara: Sett ta’ vari tal-Ġimgħa l-Kbira tal-1826 li llum baqgħu ġewwa – tistħajjilhom tad-demm u l-laħam

Purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira mill-Arkivji