Ara: Il-gidma ta’ Suarez fuq dahar Chiellini

Il-FIFA fetħet inkjesta dwar ‘il-gidma’ tal-attakkant tal-Urugwaj Luis Suarez.  Il-plejer tal-Urugwaj qed jiffaċċja proċeduri dixxiplinarji wara li lbieraħ deher f’filmati jigdem lill-plejer tal-Italja Giorgio Chiellini waqt il-konfront kruċjali bejn iż-żewġ timijiet f’logħba minn Grupp D tat-Tazza tad-Dinja. L-Assoċjazzjoni tal-Futbol tal-Urugwaj għandha sal-lejla biex twieġeb. Din kienet it-tielet darba li Suarez kien involut f’inċident bħal dan.

Luis Suraez kien fiċ-ċentru tal-attenzjoni wara li għal darb’oħra jidher li reġa’ kixef sninu u gidem lid-difensur Taljan Giorgio Chiellini fi spalltu waqt il-logħba deċisiva tat-Tlieta tat-Tazza tad-Dinja. Iż-żewġ plejers kienu qegħdin fil-kaxxa tal-Italja meta għaxar minuti mit-tmiem il-logħba Suarez deher jaħbat għal Chiellini bid-difensur Taljan deher iqum jipprotesta billi jipprova juri lir-referee l-marka tas-snien li ħallielu Suarez fuq spalltu.

Il-fotografu tar-Reuters wrew dik li kienet tidher bħala gidma fuq spallet id-difensur Taljan. Huma ppubblikaw ukoll ritratti ta’ Suarez bilqiegħda fuq il-ħaxix iżomm sninu wara l-inċident.

Bir-raġun it-Taljan baqgħu jilmentaw dwar din il-gidma wara li fil-81 minuta Diego Godin assigura l-passaġġ għat-tim nazzjonali tal-Urugwaj għall-kwarti tal-finali waqt li t-Taljani spiċċaw eliminati.

“Huwa redikolu li Suarez ma tkeċċix,” qal Chiellini lil Rai TV fi tmiem il-partita.

Ir-regoli tal-FIFA jippermettu l-użu ta’ filmati biex jikkastigaw plejers għal inċidenti li ma jkunux inqabdu mir-referee matul il-logħba.

Is-sena l-oħra, il-plejer ta’ Liverpool Suarez kien sospiż għal 10 logħbiet wara li gidem lill-plejer ta’ Chelsea Branislav Ivanovic f’logħba tal-Premier League waqt li fl-2010 huwa kien sospiż għal seba’ logħbiet wara li gidem il-plejer ta’ PSV Eindhoven Otman Bakkan meta kien jilgħab ma’ Ajax Amsterdam.