COVID-19
ARA: Il-Gvern u l-Oppożizzjoni dwar il-ftuħ tal-istaġun tal-kaċċa

Erbat ijiem qabel il-ftuħ tal-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Byron Camilleri, qal li l-Korp tal-Pulizija huwa mgħammar biżżejjed biex iħarrek lill-kaċċaturi li jinstabu li qegħdin jiksru l-liġi. Mill-banda l-oħra, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni, Beppe Fenech Adami, qal li fiċ-ċirkustanza preżenti kien jikkunsidra li ma jiftaħx l-istaġun tal-kaċċa biex ma jżidx il-pressjoni fuq il-Korp tal-Pulizija. Huma kienu intervistati fil-programm INSIGHTS tal-bieraħ.

Il-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri, qal li għalkemm it-taqsima tal-Administrative Law Enforcement tal-Pulizija qed tagħmel l-ispezzjonijiet dwar il-kwarantina obbligatorja minħabba l-Covid-19, se tibqa’ tmexxi l-infurzar marbut mal-kaċċa illegali.

“Ġew recruited iktar persuni lejn is-sezzjoni tal-ALE u f’dawn it-tliet ġimgħat li se jinfetaħ l-istaġun tal-kaċċa se jkun hemm iktar persuni jassistu l-ALE.”

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern, Beppe Fenech Adami, wera l-fehma li fiċ-ċirkustanzi preżenti, kien jikkunsidra li l-istaġun tal-kaċċa ma jinfetaħx.

“Fiċ-ċirkustanzi tal-lum fejn għandna l-Korp tal-Pulizija streched u l-aħħar ħaġa li għandhom bżonn li għexieren ta’ Pulizija npoġġuhom biex jimmoniterjaw il-ftuħ tal-kaċċa, naħseb kont nikkunsidra li ma jinfetaħx l-istaġun tal-kaċċa.”

Waqt il-programm INSIGHTS fuq Television Malta, il-Ministru Camilleri spjega li fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far qed jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha, anke mediċi, wara li r-residenti kollha tpoġġew fi kwarantina. Dr Fenech Adami qal li l-iffullar fiċ-ċentru miftuħ joħloq sitwazzjoni perikoluża u sostna li l-immigranti kellhom jitqassmu f’binjiet oħrajn.

“Il-Gvern għandu jfittex postijiet alternattivi u hawn postijiet alternattivi at all costs biex jevita din is-sitwazzjoni milli taħrablu minn taħt idejh.”

Dwar l-eventwalità ta’ mewġa oħra ta’ immigranti, il-Ministru Camilleri wera ruħu frustrat li għad hemm minn qed iħajjar l-immigranti jitilqu mil-Libja lejn l-Ewropa.

“Bħalissa hemm vapur partikolari li wasal viċin il-kosta Libjana u diġà beda jagħmel messaġġi fuq Twitter. Biex jidħol Malta? Le. Malta diġà għamlet il-komunikazzjoni tagħha mal-KE sabiex navżaw li dak huwa att irresponsabbli li sservi bħala pull factor speċjalment f’dawn iż-żminijiet u għaldaqstant nippretendu li dawn ma jsirux.”

Dwar il-ħabs, Dr Fenech Adami qal li fiċ-ċirkustanzi ta’ bħalissa, ikun aħjar li l-priġunieri anzjani u vulnerabbli jinħarġu mill-ħabs fejn f’uħud miċ-ċelel hemm iżjed minn priġunier wieħed.

Il-Ministru Camilleri qal li dalwaqt jidħlu fis-seħħ miżuri ġodda.

“Il-gwardjani jibdew joqogħdu fil-ħabs għal għadd ta’ jiem u wara jkunu mibdula minn grupp ieħor ta’ gwardjani illi jidħlu jgħix fil-ħabs biex jaqdu dmirijiethom.”

Il-Ministru Camilleri qal li l-investigazzjonijiet kollha tal-Pulizija, fosthom dwar allegat abbuż fl-extra duty tal-Pulizija tat-Traffiku, għadhom għaddejjin. Dwar il-ħatra ta’ Kummissarju ġdid tal-Pulizija, il-Ministru Camilleri qal li fiż-żmien li ġej il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku se toħroġ sejħa pubblika għal din il-kariga.

Tista’ terġa’ segwi l-programm Insights minn hawn.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Raġel ta’ 68 sena huwa d-disa’ vittma tal-Coronavirus f’Malta dan wara li aktar kmieni llum tħabbret il-mewt ta’ raġel ieħor ta’ 56 sena, li miet bl-istess virus. Ir-raġel ta’ 68…

Ambjent

Studju xjentifiku dwar it-tniġġis tal-arja li ġie ppubblikat f’rivisti internazzjonali, jikkalkula l-effetti fit-tul ta’ dan it-tniġġis fuq saħħet il-bniedem. B’mod ġenerali l-istudju juri tnaqqis fl-elementi fini ta’ tniġġis mal-pajjiż iżda…

Immigrazzjoni

Il-pressjoni tal-immigrazzjoni irregolari mil-Libja lejn ix-xtut Ewropej kompliet żdiedet minħabba l-pandemija li qed twassal biex bosta ħaddiema fil-Libja li ma jikkwalifikawx għall-ażil qed jittantaw xortihom jaqsmu l-baħar. Ċifri li għandu…

Aktar