Temp
ARA: Il-ħerba tal-maltemp fi ftit minuti

Matul il-ġurnata kellna diversi stejjer iddominati mal-maltemp li ħabat sew għall-gżejjer Maltin wara li r-riħ b’qawwa ta’ riefnu forza 9 għamel ħerba fil-propjetà pubblika u privata. X’aktarx li dan f’aktar minn ġenerazzjoni kien l-aktar maltemp qawwi li persistenti għalkemm mistenni jibda ibatti. Sal-lejla ġew irrapportati mal-450 sejħa lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. B’xorti tajba ħadd ma weġġa’ għalkemm xi residenti ġew evakwati bħala prekawzjoni f’żewġ binijiet li sfaw mgħarrqa bl-ilma baħar. Ħafna oħrajn baqgħu għall-irdoss. Konsegwenza tal-maltemp ġew irrappurtati eluf ta’ Ewro fi ħsarat fil-propjetà f’diversi bnadi tal-pajjiż, l-aktar fiż-żoni esposti speċjalment max-xtut.

Il-maltempata nħasset mal-lejl u kompliet mas-sebħ tal-Ħadd. Kulħadd tkellem dwarha imma ħadd ma bassar il-ħsarat li bdew joħorġu hekk kif bosta filmati bdew jittellgħu fuq il-Facebook minn kull parti ta’ Malta u Għawdex.

L-inħawi esposti tal-kosta kienu fost l-aktar milquta anke mill-baħar li ried jibla’ l-art. Diversi ħsarat inkluż f’gabbani ġew irrappurtati f’diversi bnadi fejn il-mewġ u riħ kaxkru kulma sabu quddiemhom.

Fix-Xemxija l-awrat li ħarab fil-maltemp spiċċa tela’ l-art u minkejja l-qilla l-buffuri tar-riħ, kienu bosta s-sewwieqa li waqfu u setgħu jagħmlu s-sajd anke mingħajr lixka u qasba għax dehru jiġbru l-ħut mit-triq.

Diversi sidien ta’ djar spiċċaw bil-panelli tax-xemx u verendi maqlugħa. Il-ħerba tal-maltemp dehret ukoll f’diversi toroq fejn tqaċċtu u saħansitra nqalgħu mill-għeruq siġar maturi fosthom taz-znuber fit-triq tar-Rabat, Ħaż-Żabbar u ħdejn iċ-Ċimiterju tal-Addolorata.

Matul il-lejl u kmieni filgħodu, ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili, volontiera tar-Red Cross, ħaddiema tad-Dipartiment tat-Tindif u tal-ELC, kellhom ixxamru l-kmieni biex inaddfu t-toroq mis-siġar imġarfa u jneħħu l-periklu. Il-Ministru Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari Deo Debatista żar il-ħaddiema u raddewlhom aħjar għax-xogħol tagħhom f’dawn iċ-ċirkustani estremi.

Id-Dirrettur tal-Protezzjoni Ċivili, Emanuel Psaila qal “kien lejl ta’ ħidma kontinwa anke għall-ħaddiema tal-forzi tal-ordni bħal Pulizija u tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili bid-direttur Emanuel Psaila jgħid li fi ftit sigħat irċievew sal-10am kellhom aktar minn 300 sejħa għall-għajnuna.

Psaila qal “diversi sewwieqa sofrew ħsarat estensivi fil-vetturi tagħhom, l-aktar minn siġar u tiġrif ta’ ħitan li waqgħu fuqhom. Fiż-Żurrieq sid ta żewġ karozzi spiċċa jħallas qares wara li ħajt waqa u faqalu waħda miż-żewġ karozzi. Bl-oħra ġġarrab ukoll ħsarat sostanzjali. U fid-daħla għaż-Żejtun, sewwieq jgħoddha b’waħda wara li siġra kbira spiċċat fuq il-bonnet tal-karozza u għalqet it-triq min-naħa għall-oħra. L-istess xorti messet ukoll li dgħajjes f’diversi bajjiet. Waqt li xi vetturi spiċċaw fil-baħar. Il-kont mistenni jitla’ eluf ta’ ewro u mhux bilfors huma koperti mil-poloz tal-assigurazzjoni.

Il-ħaddiema tal-Enemalta jkollhom kellhom joħorgu fil-maltemp minħabba diversi ħsarat li wasslu biex inqata’ d-dawl f’għadd ta’ lokalitajiet. Rappurtati wkoll ħsarat mir-riħ, fl-impjant tal-Wasteserv fil-Magħtab fost oħrajn.

Il-bdiewa li qatt ma jeħilsu mill-burdati tan-natura ġarbu ħsarat kbar fis-serer u fl-uċuħ tar-raba’.

Wieħed minnhom Anton Muscat, spiċċa b’serer tiegħu f’Burmarraf imkissra u bl-għelieqi tal-ħass u l-ful meqruda wkoll.

Anton qal “il-ħsara fl-għelieqi dehret mill-Imġarr sal-Mellieħa fost oħrajn”. U dehra mhux tas-soltu fin-naħa t’isfel ta’ Malta, fil-Gudja rajna anke baqar fit-triq kawża ta’ xi ħsarat li seta’ ġarrab ir-razzett li kienu fih u rnexxielhom jiżgiċċaw fit-triq.

Il-maltemp wera snienu anke mal-Għawdxin b’toroq li spiċċaw blukkati bid-debris ta’ oġġetti kbar li tqaċċtu mill-bjut u spiċċaw fit-toroq. U fin-nizla ta’ Marsalforn sewwieq skansa siġra li waqgħet fuq il-karozza tiegħu.

Il-Gozo Stadium ukoll ma’ ħelishiex fejn numru ta’ tined spiċċaw imċarta. Iżda struttura mal-faċċata tal-Knisja tan-Nazzarenu fix-Xagħra baqgħet iżżomm sod u ma ċeditx għall-qilla tar-riħ. Ħarsa lejn ix-xatt fl-Imġarr turi kif ħadd ma jgħaddiha lixxa mal-elementi tan-natura.

F’dan l-isfond, il-Minsiteru tas-Saħħa bħala prekawzjoni għalaq iċ-ċimiterji kollha. L-istess sar f’Għawdex fejn ingħalaq il-ġnien Rundell minħabba biża’ li l-irwiefen jistgħu jqaċċtu aktar siġar.

Aħbarijiet Oħra

Dokumentarju ta’ Television Malta tefa’ dawl ġdid fuq kif mijiet ta’ eks tarznari kienu esposti għall-asbetos u żviluppaw kumplikazzjonijiet mediċi fosthom kanċer tar-rita tal-pulmun. Ħaddiema rrakuntaw li min fittex lill-kumpaniji…

Il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista qalet li fit-tieni jum tal-votazzjoni bikrija tal-elezzjoni għal Kap tal-Partit ivvotaw 32% tat-tesserati eleġibbli li jivvotaw. B’hekk, it-total ta’ dawk li vvutaw s’issa bejn il-bieraħ u…

F’messaġġ rekordjat lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-pandemija tal-Covid-19 laqtet is-sistemi tas-saħħa, l-ekonomiji u s-soċjetajiet dinjija. Qal li hu għalhekk li l-pajjiżi l-iżjed milquta u…

Il-Gvern illejla ħabbar tisħiħ fil-miżuri ta’ kontinġenza fil-qasam tad-djar tal-anzjani. Is-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva qal li meta jiġi identifikat każ pożittiv f’dar tal-anzjani, dak ir-resident se jintbagħat fl-isptar Pawlu Boffa…

Aktar