Lokali
Ara: “Il-ħxuna żejda tal-Maltin qed tiswiena €56 miljun fis-sena” – kardjologu

Malta għandha l-ogħla rata ta’ obeżità fl-Unjoni Ewropea. Il-ħxuna żejda tal-Maltin qed tiswa lill-poplu Malti u Għawdxi madwar €56 miljun fis-sena. Dan qalu l-kardjologu Dr Robert Xuereb li tkellem dwar il-problema ta’ piż żejjed ta’ pajjiżna waqt il-programm ‘Insights’.

Dr Xuereb qal li l-obeżità hija marda. Spjega, li tmien Maltin minn kull għaxra li għandhom bejn 18 u 70 sena għandhom ħxuna żejda. Fisser, li dawn huma ċifri allarmanti u li l-problema tal-obeżità fil-gżejjer Maltin kulma jmur sejra mill-ħażin għall-agħar.

Huwa argumenta li għandna nintaxxaw l-ikel li jħaxxen u li nissussidjaw l-ikel bnin. Qal, li b’hekk, żewġ imwiet minn kull ħamsa jistgħu jiġu evitati.

Fi kliem Dr Xuereb, il-Maltin ma jiklux dieta Mediterranja u għalkemm immiddu jdejna għax-xogħol bla xkiel, l-eżerċizzju u l-isport donnhom mhux qegħdin fil-kultura tagħna. Ġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-Maltin jagħżlu ħanut tal-ikel minn ieħor skont il-porzjon u skont jekk ir-ristorant għandux parkeġġ bieb u għatba miegħu.

Huwa spjega li l-obeżità hija relatata ma’ bosta mard ieħor, fosthom mal-attakki tal-qalb. Dr Xuereb qal li l-biċċa l-kbira tal-imwiet f’Malta huma riżultat ta’ mard tal-qalb. F’Malta, kull sena, imutu medja ta’ 400 persuna minħabba raġunijiet ta’ obeżità.

Mal-erbat irjieħ tad-dinja, diversi pajjiżi bdew jintaxxaw l-ikel li jħaxxen, fosthom l-Ungerija li bdiet tagħmel dan mill-2011. Fid-Danimarka, min-naħa l-oħra, kif spjegat id-dietician Ilona Pulis, din it-taxxa kellha titneħħa wara anqas minn sena peress li diversi spiċċaw jaqsmu l-fruntiera biex jixtru dan it-tip ta’ ikel. Is-Sinjura Pulis qablet mal-issussidjar tal-ikel bnin għax qalet li taxxa waħedha jaf ma tkunx biżżejjed biex isseħħ bidla fir-rati għolja ta’ obeżità tal-pajjiż, bħalma ġara fil-Messiku.

Intant, pazjenti fl-Isptar Mater Dei li għandhom problema ta’ ħxuna żejda qed jingħataw il-kura minn tim multidixxiplinarju. Fi tweġiba għal domanda parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne spjega li fl-isptar qed jiġu offruti servizzi tas-saħħa mill-klinika tal-endokrinoloġija, sapport ta’ dietician, sapport psikoloġiku kif ukoll kirurġija fejn isiru operazzjonijiet bħal Sleeve Gastrectomy u Gastric Bypass.

Dr Fearne żied jgħid li bħalissa qed isiru l-arranġamenti biex jingħata aktar taħriġ u esperjenza minn ċentru speċjalizzat minn barra minn Malta.

‘Insights’ xandar l-istorja ta’ Christopher Spiteri li tilef madwar 50 kilo wara li daqs sena u erba’ xhur ilu kien jiżen 165 kilo. ‘Insights’ jixxandar kull nhar ta’ Tlieta fis-6.30pm fuq TVMNEWS+.

Ara wkoll:

Ara: “Kont ngħix f’kamra…irnexxieli nħares fil-mera wara ħafna xhur”