Politika
ARA: Il-Kap tal-Oppożizzjoni jirreaġixxi għall-aħħar pakkett ta’ miżuri mill-Gvern

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li t-tielet pakkett ta’ miżuri li ħabbar il-Gvern huwa xhieda li l-Gvern qed jirreaġixxi tard quddiem sitwazzjoni li teħtieġ azzjoni immedjata.

Qal li diġà kien hemm kumpaniji li taw is-sensji u l-ħaddiema tilfu xogħlhom, tant li l-Prim Ministru kellu jammetti li l-miżuri li ħabbar japplikaw b’lura minħabba s-sensji.

Dr Delia qal li hu pakkett reattiv għaliex il-Gvern kien iddeskriva l-ewwel żewġ pakketti bħala ġenerużi iżda l-ekonomisti qalulu mill-ewwel li dawn ma kienu mkien qrib dak li għandha bżonn l-ekonomija biex jiġu salvati l-impjiegi.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dan il-pakkett huwa selettiv għax jindirizza biss terz tal-postijiet tax-xogħol fil-privat, għaliex qal ikopri madwar 60,000 persuna. Dr Delia qal li l-Gvern għandu jgħid minn issa li għal bqija taż-żewġ terzi tal-ħaddiema, hemm miżuri oħra ppjanati.

“Hekk qed jaħdmu ħafna pajjiżi, hekk hu l-gvern illi jippjana mhux issa fit-tul kif konna ngħidu qabel imma jippjana ħalli jagħti t-tama l-konfort, anki lil dawn illi qegħdin sa issa esklużi minn dan il-pakkett t’għajnuna.”

Dr Delia temma l-appell tal-Oppożizzjoni biex l-Gvern jraħħas b’minn tal-anqas 50 fil-mija l-kontijiet tad-dawl u l-ilma ghal kulhadd fiż-żmien meta ħafna nies qed iqattgħu aktar ħin id-dar u għalhekk jikkonsmaw aktar anke għaliex il-prezz taż-żejt roħos.

“Illum inqas minn 30 dollaru l-barmil u previst illi jibqa’ jonqos hawn min qed jgħid li se jonqos sa 10 dollari l-barmil. Mela n-nefqa tal-Gvern effettivament hija ħafna inqas biex ikun qed jixtri ż-żejt. Mela l-piż fuq il-Gvern, fir-realtà din mhi se tiswih xejn.”

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern għandu jwaqqaf b’mod immedjat il-ħlas għall-kirjiet tiegħu sakemm is-sitwazzjoni tirritorna għan-normal. “Per eżempju fabbriki, dawk li jimpjegaw in-nies, ħwienet. Trid tara liema huma, il-Gvern għandu l-elenku ta’ liema huma, dawk li assolutament m’għandhom bejgħ ta’ xejn, allura l-Gvern jista’ jiddeċiedi, għandu s-setgħa li totalment jaħfer l-ammonti li huma dovuti fil-perjodu kollu li dawn m’għandhom dħul ta’ xejn.”

Dr Delia qal li l-Oppożizzjoni se tkompli taħdem fl-interess nazzjonali sabiex ikun assigurat li ħadd ma jerfa’ piż iżjed milli jiflaħ.

Aħbarijiet Oħra
Kultura

Ir-restawr fuq l-ikbar esebit fil-Mużew Marittimu lest. Il-Pulena, li għamlet żmienha fuq il-pruwa tal-HMS Hibernia, reġgħet lura għall-glorja tagħha. Għalissa fis-skiet għaliex il-pandemija għalqet il-bibien tal-mużewijiet, imma la jerġgħu jiftħu…

Stejjer Umani

Sentejn ilu waqa’ għall-vizzju tad-droga għax tilef lill-ommu u sofra minn sfidi mentali, iżda issa ddeċieda li jidħol għall-programm tal-Caritas biex ikun jista’ jerġa’ jgħannaq lil familtu u jgħin persuni…

Lokali

Tabiba Maltija ngħata kariga importanti fi ħdan l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa. Dr Natasha Azzopardi Muscat inħatret bħala Direttur li fost affarijiet oħra se tieħu ħsieb is-servizzi tas-saħħa fl-Ewropa fosthom biex jiżdied…

Aktar