Annimali
ARA: Il-kelb li weġġa’ biex sab lil Miriam Pace mirduma

Il-kelb Zicko tar-razza German Shepherd nhar it-Tnejn kellu parti importanti biex it-tfittxija fit-terrapien għal Miriam Pace ma ħaditx fit-tul. Kien Zicko mis-sezzjoni K9 tal-Protezzjoni Ċivili li daħal l-ewwel fuq il-post imġarraf u fi ftit ħin indika lit-trainer tiegħu Stephen Friggieri fejn kienet maqbuda il-vittma.

“Il-kelb jieqaf fuq il-post u jinbaħ. Fil-każ ta’ dan l-inċident prova litterlament jidħol fejn dik il-persuna, ipprova jħaffer biex isib il-way in u hemm indikali li hemm xi ħaġa.”

Is-sur Friggieri qal li għal Zicko din kienet l-iktar prova tal-ħiliet tiegħu kemm ilu fis-servizz fl-aħħar erba’ snin. Qal li fil-ħeġġa tiegħu saħansitra ġarrab xi ġrieħi u nstelaħ waqt it-tiftix fit-terrapien u ser ikollhom isirulu testijiet qabel ikompli bis-servizz.

L-uffiċjal qal li l-kelb, li għandu seba’ snin, wasal f’Malta ta’ sena u nofs mir-Repubblika Ċeka u apparti li mgħallem l-ubbidjenza ġie mħarreġ ixomm persuni mirduma.

“Il-kelb imħarreġ għar-riħa tal-bniedem jiġifieri waqt it-taħriġ li l-kelb jiffoka fuq il-persuna li qed isib ikun leali lejha, jibqa’ fuq il-post u jibqa’ jagħti l-attenzjoni għal dik il-persuna li qiegħda entrapped, sakemm intuh it-toy bħala reward għax fl-aħħar mill-aħħar għalih hija logħba.”

Id-Deputat Direttur tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, Peter Paul Coleiro qal li fiż-żona tat-tiġrif ħadd ma jitħalla jidħol qabel il-kelb.

“Jekk ikun daħal ħaddieħor is-site tkun ikkontaminata u l-kelb jista’ jidentifika ta’ dik il-persuna li tkun hemm qabel li issa m’għadhiex hemm u aħna nispiċċaw inħaffru f’post għal xejn meta seta’ hemm post ieħor fejn hemm il-persuna.”

Is-Sur Coleiro qal li l-membri tal-Protezzjoni Ċivili bdew bil-galbu l-ħidma minnufih fejn indika l-kelb.

“Wieħed irid jifhem li xi kultant dak li jistgħu jagħmluh ħamsa min-nies – jekk tpoġġi għaxra min-nies m’intiex ser iġġib id-doppju. Nifhmu n-nies u lill-qraba li jkunu jridu lil kulħadd jaħdem, iżda fir-realta’ li tkun qed tagħmel huwa iżjed periklu u iktar tnaqqas l-attivita’ tax-xogħol għax fejn qabel kien hemm ġebla li stajt inneħħieha min-nofs, issa rrid noqgħod attent għax ser nolqot lil sħabi u allura titlef aktar ħin fil-proċess.”

F’din l-operazzjoni, il-Protezzjoni Ċivili użat diversi għodod fosthom żewġ cameras specjali li jippenetraw it-tifrik.

“Biex tfittex lill-persuna fejn hi qiegħda jew inkella biex tiċċekkja meta ser inqattgħu jew inneħħu din il-biċċa debris – jekk għandek saqaf, jekk ser intaqqbu hemmhekk mhux ser intaqqbu lil persuna jew xi ħaġa vitali.”

Is-Sur Coleiro qal li f’din l-operazzjoni ħadu sehem 30 membru tal-Protezzjoni Ċivili.

Aħbarijiet Oħra
Politika

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, qal li hu għadu l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista. “Kien hemm aħbarijiet fuq il-midja li diġà Kap tal-Oppożizzjoni ġdid u ssemmiet l-Onorevoli Therese…

Politika

Fl-aħħar sigħat il-President ta’ Malta George Vella ltaqa’ ma’ diversi deputati tal-Partit Nazzjonalista fil-Palazz ta’ Sant’ Anton. Fost id-deputati li diġà kellhom laqgħa mal-President Vella kien hemm Beppe Fenech Adami,…

Politika

Il-vot ta’ sfiduċja f’Adrian Delia mid-deputati Nazzjonalisti ħoloq xenarji ġodda b’opinjonisti jgħidu li din is-sitwazzjoni kompletament ġdida fl-istorja politika ta’ Malta. Fil-programm Ras imb’ Ras fuq TVM, l-opinjonist Dr Mario…

COVID-19

Il-COVID-19 u x-xogħol ġew diskussi minn mexxejja minn madwar id-dinja f’summit virtwali organizzat mill-Għaqda Dinjija tax-Xogħol, l-ILO. Fil-fehma tal-kap tal-organizazzjoni, il-pandemija tefgħet id-dinja tax-xogħol fi kriżi bla preċedent. F’messaġġ waqt…

Aktar