Lokali
Aġġornat: Ara: il-kompożizzjoni tal-Kabinett il-ġdid

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar il-membri tal-kabinett il-ġdid li ser ikun fih mil-lanqas tmien uċuh ġodda, ħafna minnhom li ġew eletti għall-ewwel darba fl-elezzjoni tas-Sibt li għadda. Sebgħa minnhom inħatru bħala Segretarji Parlamentari responsabbli għal bosta oqsma fosthom għall-ewwel darba għas-servizzi finanzjarji u rritorna fil-kabinett bħala Ministru Michael Falzon.

Diversi Ministri żammew id-dekasteru li kellhom waqt li oħrajn ingħataw responsabbiltajiet ġodda, fosthom Ian Borg, Carmelo Abela, Helena Dalli, Joe Mizzi u Konrad Mizzi. Justyne Caruana ġiet elevata għal Ministeru għal Għawdex filwaqt li Anton Refalo mhux ser ikun fil-kabinett il-ġdid li fih żewġ membri inqas mill-kabinett ta’ qabel.

Il-ġurament tal-ħatra tal-Ministri u s-Segretarji Parlamnetari mistenni jingħata għada f’ċeremonja fil-Palazz il-Belt. Il-Prim Ministru ħabbar ukoll li l-parlament ser jitlaqqa’ għall-ewwel darba s-Sibt fl-24 ta’ Ġunju meta jsir d-diskors programmatiku mill-President ta’ Malta.

Il-Kabinett il-ġdid li bih il-Gvern ta’ Dr Joseph Muscat ser jibda t-tieni leġislattura tiegħu ser ikun fih il-Prim Ministru u 14-il Ministru u disa’ Segretarji Parlamentari. It-tliet deputati Laburisti eletti ser ikunu fil-kabinett, tnejn bħala Ministri u oħra Segretarju parlamentari.

Fil-Gvern il-ġdid, il-Prim Ministru Joseph Muscat ser ikollu responsabbiltà mhux biss għat-twettieq tal-manifest elettorali iżda wkoll għas-servizzi finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni. F’Kastilja jassistu f’dawn ir-responsabbiltajiet ser ikollu lis-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri u Julia Farrugia li ser tkun Segretarju Parlamentari responsabbli mir-Riformi, iċ-Ċittadinanza u s-Simplifikazzjoni amministrattiva.

Id-deputat mexxej tal-Partit Laburista Chris Cardona ġie kkonfermat bħala Ministru għall-Ekonomija, Investment u n-Negozji ż-Żgħar. Il-Ministru veteran Evarist Bartolo wkoll ġie kkonfermat bħala Ministru għax-Xogħol u Edukazzjoni u miegħu ser ikollu lil Dr Clfton Grima bħala Segretarju Parlamenti għaż-Żagħżagħ, Sport u Għaqdiet Volontarji.

Il-Ministru Joe Mizzi ngħata responsabiltà ġdida bħala Ministru tal-Enerġija u Immaniġġjar tal-Ilma. L-istess ġara fil-każ tal-Ministru Helena Dalli li mal-Ugwaljanza ngħatat responsabbiltà miżjuda għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza. Fil-Ministeru tagħha ser iservi Dr Aaron Farrugia bħala Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u djalogu soċjali.

Il-Professur Edward Sċicluna ġie kkonfermat bħala Ministru tal-Finanzi u r-responsabbiltà ġdida għal Ministru Konrad Mizzi li nħatar Ministru tat-Turiżmu li irid jieħu ħsieb ukoll ir-ristrutturar tal-Air Malta.

Bidla fit-tmexxija tal-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali bir-responsabbiltà għaddiet f’idejn Dr Michael Farrugia filwaqt li Carmelo Abela li qabel kien responsabbli minn dan il-Minsiteru ġie fdat bil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-promozzjoni tal-kummerċ.

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali baqa’ f’idejn Dr Owen Bonnici u miegħu ser ukoll lil  Silvio Parnis bħala Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Dr Deo Debattista bħala Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta 18.

Dr Josè Herrera ġie kkonfermat Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima. Miegħu ser ikollu lill-Perit Clint Camilleri bħala  Segretarju Parlamentari għall-Agrikultura, is-Sajd u Drittijiet tal-Annimali.

Dr Chris Fearne żamm il-Ministeru tas-Saħħa waqt li l-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali ngħata lil Dr Ian Borg. Il-Prim Ministru iddeskriva dan bħala l-akbar Ministeru. F’dan il-Minsteru ser iservi Chris Aguis bħala Segretarju Parlamenti se jkun responsabbi mill-ippjanar u s-suq tal-propjetà.

Dr Justyne Caruana minn segretarju Parlamentari ġiet elevata għal Ministeru ta’ Għawdex.

Fil-kabinett reġa’ daħal Dr Michael Falzon bħala Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Soliderjetà Soċjali. Fl-istess ministeru ser iservu Roderick Galdes bhala Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Anthony Agius Decelis bħala Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva.

Il-Prim Ministru żvela wkoll li Dr Robert Abela ser ikun konsulent legali tiegħu fil-kabinett waqt li Dr Byron Camilleri ser ikun il-whip tal-grupp Parlamentari Laburista.

“Jien li għedt lill-membri parlamentari li se nkun qed nistenna korrettezza min-naħa tagħhom u li jżommu standards għoljin ħafna għax fhimt li qalu n-nies, u milli fhimt hu li nuru aktar serjetà”, qal Dr Muscat.

Dwar il-ħatra ta’ Konrad Mizzi, il-Prim Ministru qal li b’din il-kariga huwa jrid iqajjem fuq saqajha lill-Air Malta kif għamel fl-Enemalta u wera x-xewqa li dan isir fl-iqsar żmien possibbli. Qal li l-għażla ta’ Dr Mizzi saret fuq il-bażi tal-kompitenza tiegħu.

Fuq il-fatt li għadhom ma sarux l-elezzjonijiet każwali, Dr Muscat qal li l-kandidati potenzjali fehmu l-ħtieġa li l-pajjiż ma jistax jitħalla jistenna sakemm isiru l-ġimgħa d-dieħla. Żied jgħid li l-kabinett maħtur fil-bidu tal-leġislattura mhux bilfors ikun l-istess wieħed li jibqa’ tul il-leġislatura kollha. Dwar il-fatt li l-ex Ministru ta’ Għawdex Anton Refalo mhux ser ikun fil-kabinett, Dr Muscat indika li seta offrielu responsabbiltà ġdida li Dr Refalo ma aċċettax.

Mistoqsi dwar Keith Schembri bħala chief of staff, il-Prim Ministru qal li xejn mhu se jinbidel dwar dan u kif wiegħed qabel l-elezzjoni, jekk dan ikun taħt investigazzjoni kriminali jitneħħa mal-ewwel.  Mistoqsi dwar l-għażla għall-Viċi Prim Minsitru, Dr Muscat qal li dan jinħatar meta sal-aħħar ta’ Lulju li ġej, il-konferenza ġenerali Laburista teleġġi d-deputat mexxej Laburista għall-Affarijiet tal-Parlament.

Il-lista sħiħa tal-membri tal-Kabinett:

Silvio Schembri – Segretarju Parlamentari fi ħdan OPM, responsabbi mis-servizzi finanzjarji, ekonomija diġitai u servizzi finanzjari

Julia farrugia – Segretarju Parlamentari fi ħdan OPM ukoll, responsabbli minn ċittadindza, simplifikazzjoni u riformi

Chris Cardona – Ministru responsabbli minn ekonomija, investiment u negozji żgħar.

Evarist Bartolo – Ministru responsabbli minn xogħol u edukazzjoni

Clifton Grima – Segretarju Parlamentari taħt il-kappa tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, responsabbli minn żgħażagħ, sport u għaqdiet volontarji

Joe Mizzi – Enerġija u servizzi tal-ilma

Helena Dalli – Ministru responsabbli mill-affarijiet Ewropej u ugwlajna.

Aaron Farrugia – Segretarju Parlamentari repsonsabbli minn fondi Ewropej u djalogu soċjali

Edward Scicluna – Ministru tal-finanzi u miegħu entitajiet bħal Malita u l-Bank Nazzjonali tal-Iżvilupp.

Konrad Mizzi – Ministru responsabbli mit-turiżmu.

Michael Farrugia – Ministru responsabbli mill-intern u sigurtà nazzjonali

Owen Bonnici – Ministru responsabbli mill-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.

Silvio Parnis – Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Gvern Lokali

Deo Debattista – Segretarju Parlamentari responsabbli mill-protezzjoni tal-konsumatur u Valletta 2018

Jose Herrera – Ministru responsabbli mill-ambjent, żvilupp sostenibbli u tibdil fil-klima

Clint Camilleri – Segretarju Parlamentari responsabbli mill-biedja u sajd
Chris Fearne – Ministru responsabbli mis-saħħa

Carmelo Abela – Misnitru responsabbli mill-affarijiet barranin u promozzjoni tal-kummerċ

Ian Borg – Ministru responsabbli mit-trasport, infrastruttura u progetti kapitali, flimkien mal-ippjanar

Chris Agius – Segretarju Parlamentari responsabbli mis-suq tal-propjetà
Justyne Caruana – Ministru għal Għawdex

Michael Falzon – Ministru responsabbli mill-familja u drittijiet tat-tfal

Roderick Galdes – Segretarju Parlamentari responsabbli mill-akkomodazzjoni soċjali

Tony Agius Decelis – Segretarju Parlamentari resonsabbli minn persuni b’diżabilità

Byron Camilleri – Whip tal-grupp parlamentari

Robert Abela – Konsulent legali tal-Prim Ministru

Aħbarijiet Oħra
Festi

Hija t-tradizzjoni li għandha l-għeruq tagħha fil-bidu tal-ħamsinijiet u li tiċċelebra d-devozzjoni lill-Madonna tal-Grazzja permezz ta’ pellegrinaġġ bil-muturi u r-roti. Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa tal-Madonna tal-Grazzja f’Ħaż Żabbar jikkonkludu l-istaġun tal-festi tas-Sajf….

Kronaka

Kenneth Cassar ta’ 38 sena mill-Isla ġie akkużat li fil-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd li għadda fl-Isla saq vettura b’manjiera perikoluża, laqat tliet karozzi u baqa’ sejjer. Cassar ġie…

Ambjent

Fl-għeluq tal-ħames konferenza annwali mis-Soċjetà MALTNUM, Malta Model United Nations Society, l-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia qal li l-akbar sfida li qed taffaċċja d-dinja bħalissa hija t-tibdil fil-klima. Qal li d-dinja…

Kronaka

Ħidma mill-Pulizija tal-Iskwadra ta’ kontra d-Droga, ilbieraħ waranofsinhar, irriżultat fl-arrest ta’ ġuvni ta’ 17-il sena mill-Birgu u żewġ tfajliet, ta’ 21 u 26 sena minn Ħal Kirkop u l-Fgura rispettivament,…

Aktar