Kultura
ARA: Il-koppla tal-Knisja tad-Dumnikani fil-Belt tieħu bixra ġdida

Giuseppe Calì għandu rabta qawwija mal-Knisja tad-Dumnikani fil-Belt, mhux biss b’xogħlijiet ta’ arti tiegħu imma għax tgħammed u għammed lil uliedu f’din il-knisja.

Fl-aħħar sena u nofs sar xogħol ta’ restawr fuq il-pitturi tal-Calì fil-koppla ta’ din il-knisja, li partijiet kbar minnha kienu f’riskju li jintilfu darba għal dejjem minħabba ħsara li ġarrbet mal-medda taż-żmien.

Issa l-koppla tal-Knisja tad-Dumnikani fil-Belt reġgħet inkixfet hekk kif tlesta x-xogħol.

Ir-restawratriċi Agatha Grima, li kienet responsabbli mir-restawr qalet li l-ilma tax-xita, li kien jidħol mill-koppla, għamel ħafna ħsara fil-pittura, li kienet ġiet inawgurata f’Jannar tal-1898. Spjegat kif maż-żmien iż-żebgħa bdiet tinqala’ minn mal-ġebla.

“Dawn huma kollha problemi ta’ melħ li jikkristalizza kemm bejn is-sapport u ż-żebgħa u anke fil-wiċċ taż-żebgħa litteralment tbajja’ sħaħ bojod ta’ melħ.”

Kien hemm ukoll ammont ta’ nugrufun li weħel mal-pittura. Ir-restawratriċi Grima rrimarkat li xi ħsara kienet ikkawżata wkoll mill-uniku rtokk li qatt sar fuq il-pittura – fis-snin tletin minn iben Calì nnifsu – Ramiro Raffaele.

“Il-problema f’dan il-fażi kienet li Ramiro being an artist hu ma kienx restawratur u għaldaqstant ir-restawr dak iż-żmien ma kienx xjentifiku kif nagħmlu aħna llum.”

Ix-xogħol ta’ restawr fl-aħħar sena u nofs kien wieħed metikoluż u involva fażi twila ta’ konsolidament, li matulha r-restawraturi waħħlu l-partijiet kollha li kienu bdew jinqalgħu. Wara tneħħew legi ta’ ħmieġ, verniċ antik u tneħħiet ukoll iż-żebgħa żejda li kienet qed taħbi dik oriġinali ta’ Calì.

“Kien hemm partijiet fejn litteralment l-oriġinal kienu mitlufa u kellna biss id-disinn ta’ Ramiro għaldaqstant kellna nżommuhom għal referenza. Kulma għamilna biss tellajna t-tonalitajiet biex jaqblu ma’ dak li kien ikun dak ippreżenta l-materjal oriġinali nnifsu. L-integrazzjoni dejjem saret b’rispett kbir lejn l-oriġinali.”

Il-Kappillan Patri Michael Camilleri rrimarka li l-artist Giuseppe Calì għandu rabta mal-parroċċa ta’ Sidtna Marija ta’ Porto Salvo u San Duminku billi hu tgħammed, iżewweġ u għammed lil uliedu hemmhekk.

Fi kliemu x-xogħol fuq il-koppla jinkuruna x-xogħol ta’ restawr li qed isir fil-Knisja. “Fiċ-ċentru għandha tmien flieli – fiċ-ċentru hemm l-ispirtu s-santu fil-forma ta’ ħamiema kif jgħidilna l-Evanġelju u s-seba’ doni tal-ispirtu s-santu – wieħed wieħed.”

Il-Kappillan qal li fil-parti fejn hemm id-don tal-għerf hemm ktieb bl-iskrizzjoni li tfakkar is-sittin sena mill-ordinazzjoni saċerdotali ta’ Papa Ljun tlettax li kien jagħmel insistenza fuq l-Ispirtu s-Santu li fuqu kiteb żewġ enċikliċi.

Aħbarijiet Oħra

Għall-ħabta tad-9pm ġie rilaxxat mill-arrest Keith Schembri, l-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, wara li kien arrestat mill-Pulizija għall-ħabta ta’ nofsillejl. Huwa ħareġ mill-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Floriana, akkumpanjat mill-avukati…

Qed joqrob il-jum li fih mistennija jiftħu l-bibien tagħhom l-iskejjel għas-sena skolastika ġdida, Television Malta żar uħud mit-tħejjijiet li qed isiru f’xi skejjel tal-Gvern u tal-Knisja biex jassiguraw il-prekawzjonijiet kollha…

Il-Partit Nazzjonalista qal li hija ħaġa tal-iskantament kif fl-aħħar jiem il-Kummissarju tal-Pulizija bi ftehim mal-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri ħabbar li l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Korp tal-Pulizija se tispiċċa u dan…

Fid-Dar tal-Anzjani San Ġużepp il-Fgura bħalissa hemm ftit iżjed minn 100 anzjan li għandhom il-Coronavirus. 15 minnhom irriżultaw ilbieraħ. Il-Clinical Chair tal-Ġerjatrija, Dr Brian Farrugia, qal lil TVM li s-sitwazzjoni…

Aktar