Annimali
ARA: Il-kuċċiera jitkellmu ma’ TVM u jgħidu tagħhom

Wara l-mewt ħabta u sabta ta’ żiemel tal-karozzin, il-Kummissarju tal-Annimali Emmanuel Buhagiar sejjaħ għal regolamenti aktar stretti kontra l-abbuż tal-annimali. Fl-istess waqt li bosta esprimew ir-rabja tagħhom fuq il-mezzi tal-midja soċjali għal dan l-inċident, il-kuċċiera li tkellmu ma’ TVM sostnew li qed issir kritika inġusta magħhom.

Il-Kummissarju għat-Trattament xieraq tal-annimali, Emmanuel Buhagiar jemmen li l-awtoritajiet mhux qed juru snienhom biżżejjed biex iħarsu l-annimali.

F’kummenti lil TVM semma’ bħala eżempju t-tbatija li jgħaddu minnha ż-żwiemel li jieħdu sehem fit-tiġrijiet u li fi kliemu għandhom jittieħdu passi biex ikunu mħarsa mill-moħqrija.

Il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali, Emmanuel Buhagiar qal “issa nerġgħu nibdew bit-tlielaq taż-żwiemel f’Santa Marija fis-sagħtejn ta’ wara nofsinhar li dak mhux ħin tajjeb għalihom żgur, lanqas għan-nies m’hu ħin tajjeb! Allura fil-każ tat-tlielaq għandu jkun hemm regolamenti speċifiċi li jgħidu każ ta’ tlielaq taż-żwiemel kif u meta u fi xħin, u għandu jkun hemm veterinarju.”

Dwar il-każ taż-żiemel li miet wara li ħabta u sabta waqa’ kif kien tiela’ t-telgħa tal-Floriana, il-Kummissarju qal li wieħed ma jistax jaqta’ l-kundanna fuq każ jew tnejn iżda jemmen li hemm prattiċi li qed joħolqu tbatija kbira għaż-żwiemel.

“M’għandhomx jaħdmu bejn nofsinhar u l-erba’…dak il-ħinijiet ta’ qilla kbira, dan għandu jkun parti mir-regolamenti…u għandu jkun hemm ukoll spezzjonijiet kuljum minn veterinarju u annimal welfare officers. Tajjeb li wieħed jgħid li skont il-liġi pulizija, wardens, u l-uffiċjali ta’ Transport Malta, dawn kollha jgħajtu wkoll parti mill-liġi” kompla jgħid is-Sur Buhagiar.

Fl-aħħar sigħat kienu diversi li kitbu u esprimew il-pożizzjoni tagħhom dwar dak l-inċident fil-Floriana , b’uħud jippuntaw subgħajhom lejn il-kuċċiera li wħud minnhom irreaġixxew għal din il-kritika u l-fatt li jsuqu ż-żwiemel f’temperaturi għoljin.

Il-kuċċier, Dylan Micallef qal “isma, dan kull ma ddum għoxrin minuta u ż-żiemel jerġa’ jiġi fid-dell… fil-venda, u ż-żiemel jispiċċa taħt it-tinda u joqgħod fid-dell u barmil ilma, vera ma jonqsu xejn… u min jgħid li aħna naħqru ż-żwiemel ma jaf xejn vera.”

Il-kucċier, Charles Barbara qal “issa li kieku minflok joqgħodu jikkummentaw fuq facebook, għax kieku taqbad tikkumenta b’xejn hux, dawn jaqbdu €10 kull wieħed u jagħmlu donazzjoni għaz-żwiemel.”

Il-kuċċiera li tkellmu magħna ċaħdu li jħallu żwiemel avvanzati fl-età jibqgħu jiġbdu l-karozzini.

Il-kuċċier, Jimmy Buhagiar qal “żiemel jiflaħ ħafna iktar minn bniedem ara l-laħam tiegħu kemm hu sod…. mela allura bniedem allura mhux kapaċi jaqsam fix-xemx? aħseb ara żiemel kemm huwa kapaċi.”

Fl-istess waqt irrikonoxxew li hemm min jabbuża u saħqu li dawn huma każijiet iżolati li fi kliemhom jistgħu jiġu indirizzati bl-infurzar tar-regolamenti eżistenti.

Il-kuċċier, Dylan Micallef qal “mhux jippruvaw jaraw ir-regolamenti x’inhuma u jirranġaw, l-ewwel affarijiet jirranġhom il-Gvern billi jżid it-tined u jżid l-ilma biex nisqu l-bhejjem.”

Rappreżentanti taż-żewġ partiti politiċi ewlenin u bosta attivisti sejħu għal reviżjoni tal-liġijiet ta’ kif joperaw l-karozzini.

Ara wkoll:

Żiemel jaqa’ u jmut fil-Furjana – is-Seg Parl Camilleri jipproponi reviżjoni fl-operat tal-karozzini

Aħbarijiet Oħra
Qorti

Shamison Stafrace minn Bormla tressaq il-Qorti akkużat b’hold up f’ħanut f’Raħal Ġdid fis-16 ta’ April li għadda. Il-Pulizija xlietu b’serq aggravat, li żamm persuna kontra l-volontà tagħha u li fera…

Mużika

Jumejn konsekuttivi ta’ kunċerti b’xejn fuq il-Fosos tal-Floriana b’inizjattiva tal-Awtorità tat-Turiżmu: għada mill-kantant tal-band Ingliża Oasis, Liam Gallagher, . . . u llejla mill-BBC Concert Orchestra b’kunċert ta’ mużika klassika…

Immigrazzjoni

Il-Partit Nazzjonalista qal fi stqarrija li l-Gvern qed ikompli juri li m’għandux pjan bil-politika tiegħu ta’ immigrazzjoni qawwija. Qal li sejbiet bħal ta’ dalgħodu fil-Marsa huma prova ta’ immigranti li…

Infrastruttura

Il-Kamra tar-Rappreżentanti approvata riżoluzzjoni biex jinbidlu kundizzjonijiet f’kuntratti li kienu saru bejn il-Gvern u l-kumpanija Fortel – sid tal-lukanda Fortina fis-snin disgħin u fis-sena 2000. Ir-riżoluzzjoni kienet approvata wara li…

Aktar