Temp
ARA: II-maltempata tal-lum meqjusa bħala waħda mill-agħar iżda ma qabżitx ir-rekord

Il-maltempata li laqtet lill-gżejjer Maltin illum tista’ titqies bħala waħda mill-agħar li laqtet lil Malta, madankollu llum ma nqabiżx ir-rekord ta’ xita.

Ma’ tvm.com.mt l-Uffiċċju Meterjoloġiku ta’ Malta qal li l-aħħar darba li esperjenzajna maltempata simili kien fil-25 ta’ Ottubru 2021, meta f’Ħal Luqa tkejlu 51.6mm xita.

Spjega li fl-aħħar 24 siegħa f’Ħal Luqa tkejlu 67.4mm xita, filwaqt li l-medja għall-gżejjer Maltin għal dawn l-aħħar 24 siegħa kienet ta’ 74.6mm. F’kollegament waqt l-aħbarjiet fuq TVMNews+ Brian Micallef mill-Uffiċċju Meterjoloġiku qal li l-aktar post li ntlaqat kien Selmun, fejn tkejlet 107mm xita. Kompla jgħid li fil-maltempata tal-11 ta’ Novembru f’Għawdex kienu niżlu 110 millimetru ta’ xita.

Spjega li l-maltemp tal-lum huwa r-riżultat ta’ sistema ta’ pressjoni baxxa li mill-Alġerija estendiet lejn iċ-ċentru tal-Mediterran. Din ġabet magħha instabbiltà lejn in-Nofsinhar ta’ Malta, li mbagħad imxiet lejn it-Tramuntana u fuq il-gżejjer Maltin ġabet maltempati bir-ragħad u x-xita. Micallef spjega li dawn il-maltempati mxew lejn l-Ilvant u għalhekk mhux se jkomplu jolqtu lill-gżejjer Maltin.

Kompla jgħid li t-temp illum kien ikkaratterizzat minn diversi maltempati li kienu jdumu madwar 30 minuta.

Dwar x’temp għandna nistennew fil-jiem li ġejjin, l-Uffiċċju Meterjoloġiku qal li mhuwiex qiegħed ibassar maltempati b’xita qawwija fil-jiem li ġejjin. Però mill-Ġimgħa waranofsinhar ir-riħ mistenni jżid sat-Tlieta. Għal nhar it-Tnejn qegħdin nistennew riħ b’qawwa ta’ riefnu (Forza 7 mill-Punent il-Lbiċ li jsir Forza 8 mill-Punent).