Lokali
Ara: il-mentalità żbaljata tal-Maltin dwar il-banana

Studju li sar fuq medda ta’ 24 sena fost 13,500 ruħ fl-Istati Unit wera li għall-kuntrarju ta’ dak li jaħsbu bosta, il-banana mhix frotta li tħaxxen.

Dan qalu t-tabib tal-familja, Dr Marc Schembri Wismayer waqt li kien qiegħed jieħu sehem fil-programm Ninvestigaw x’qed nieklu li tratta l-banana, wieħed mill-aktar prodotti li jinbigħ fid-dinja.

Huwa qal li l-banana għandha bejn 90 u 110 kaloriji u fiha bosta nutrijenti fosthom sors tajjeb ta’ fibra bħalma hija l-vitamina ċ, il-B6, il-manjesju li huwa għoli ħafna u l-potassju.

Qal li l-banana timlik waqt li meta tiekol xorta ta’ frott ieħor bħalma hu lanġas u t-tuffieħ, tiekol kemm tiekol mintix se tħossok sodisfatt. Dan ifisser li tkun qed tieħu iktar kaloriji minn kemm tieħu banana jew tnejn biex tħossok sodisfatt. Żied li l-banana tgħinek ukoll biex torqod tajjeb matul il-lejl għax fiha ħafna prodotti li jgħinuk ittejjeb il-burdata u għalhekk ideal li teħodha xi siegħa qabel l-irqad.

It-tabib spjega wkoll id-differenza bejn banana ħadranija u oħra misjura. Qal li meta l-banana tkun ħadra jkollha 80% karboidrati waqt li meta tibda tisfar, tispiċċa b’1% ta’ karboidrati għax jinbidel f’zokkor.

Huwa qal li aktar mal-banana tkun misjura aktar ikun fiha kaloriji u għalhekk tajba għal qabel eżerċizzju fiżiku.

Dwar il-qoxra tal-banana, ingħad li mhux ideali li din tittiekel, iżda tista’ tintuża għat-tikmix fuq il-wiċċ għax fiha ħafna vitamina e.

Matul il-programm ħa sehem ukoll il-bidwi Cane Vella li tkellem dwar il-banana ta’ Malta li l-karatteristika tagħha hija ħoxna u qasira. Qal li ħafna nies qatt ma daqu l-banana ta’ Malta u t-togħma tvarja minn waħda għal oħra. Qal biex tkabbarha f’Malta mhix diffiċli iżda hemm tattika li trid tiġi segwita fosthom li titkabbar f’post fejn ma jaħkimx il-majjistral.