Lokali
Ara: “Il-metro soluzzjoni għat-traffiku – mina għal Għawdex iżżid il-karozzi” – akkademiku

Sistema ta’ metro f’pajjiżna tista’ ġġib bidliet kbar fil-mod ta’ kif ngħixu, fost l-oħrajn billi ttejjeb is-sistema tat-traffiku. Dan qalu l-Professur Godfrey Baldacchino, akkademiku fl-Università ta’ Malta, li tkellem dwar il-proposta ta’ metro f’pajjiżna waqt il-programm ‘Insights’. Ġibed l-attenzjoni għall-fatt, li bħalissa, madwar 80% tal-vetturi fit-toroq Maltin iġorru persuna waħda biss.

Fi kliem il-Professur Baldacchino, pajjiżna jeħtieġ sistema ta’ trasport tal-massa. Liema proġett, huwa jinsab konvint li se jġib miegħu diversi bidliet. Qal fost l-oħrajn, li jekk l-Għawdxin se jkollhom il-faċilità li jivvjaġġaw bil-metro bejn ir-Rabat Għawdex u l-ajruport f’nofs siegħa, dak li jkun ma jkollux għalfejn jibqa’ jkollu jiġi jgħix Malta.

Mistoqsi jekk il-metro għandhiex tinkludi anki lil Għawdex, il-Professur Baldacchino qal li huwa tal-fehma li ssir mina bejn iż-żewġ gżejjer biex tintuża mill-metro. Spjega, li l-mina għal Għawdex m’għandhiex issir biex takkomoda l-karozzi għax fi kliemu din tkompli ssaħħaħ l-użu tal-karozzi privati. Semma, li f’pajjiżi bħal Singapor jeżistu mekkaniżmi biex jekk tuża l-karozza tiegħek taħsibha darbtejn, fosthom permezz ta’ nollijiet fuq l-użu tal-karozzi u b’parkeġġi bi ħlas.

L-akkademiku qal, iżda, li biex sistema ta’ metro tirnexxi, trid taħdem fost l-oħrajn id f’id ma’ sistema aġġornata ta’ trasport pubbliku.

Filwaqt li rrikonoxxa l-fatt li karozzi li ma jniġġsux iġibu magħhom diversi benefiċċji ambjentali, il-Professur Baldacchino qal li l-karozzi elettriċi mhumiex se jsolvu l-problema tat-traffiku.

Il-Professur Baldacchino ddeskriva lil pajjiżna bħala belt-stat u qal li jistma li sal-aħħar tas-seklu se jkun hawn mas-700,000 ruħ joqogħdu fil-gżejjer Maltin.

Intant, ‘Insights’ taha għat-toroq tal-Belt Valletta u staqsa lill-pubbliku x’jaħseb dwar il-metro. Il-biċċa l-kbira ta’ dawk li qalu tagħhom, stqarru li jekk pajjiżna jkollu metro, lesti li jużawha.

It-taħditiet dwar sistema ta’ metro f’Malta reġgħu qabdu r-ritmu. Dan ix-xahar, il-Gvern ippreżenta l-proposta u l-istudji li saru mill-kumpanija Arup. L-aħħar tliet proposti għal metro fi xtutna saru mill-kumpanija Arup ikkummissjonata mill-Gvern, mill-kumpanija KonceptX u mill-Partit Nazzjonalista fl-2017.

‘Insights’ jixxandar kull nhar ta’ Tlieta fis-6.30pm fuq TVMNEWS+.