Lokali
ARA: Il-missier jista’ joqgħod ħdejn is-sieħba matul il-ħlas u jżurha kull filgħaxija

Il-Kap tal-Obsterija u l-Ġinekoloġija fl-Isptar Mater Dei, Professur Yves Muscat Baron spjega li bħalissa s-sieħeb tal-omm jista’ jidħol fejn l-omm waqt it-twelid u li jista’ jżur l-omm siegħa kuljum filgħaxija.

Waqt TVAM, Prof Muscat Baron fakkar f’dak li ġara f’April li għadda meta f’Malta kien hawn mal-50 każ. Qal li dakinhar waqqfu ż-żjarat u waqt il-ħlas is-sieħeb kien jidħol fl-aħħar 10 minuti. Qal li llum tgħallmu minn din is-sitwazzjoni iżda wieħed irid ikun realistiku u jżomm f’rasu li bħalissa hawn il-varjant u l-għadd ta’ każijiet huwa akbar. Spjega li kellhom istruzzjonijiet mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika u mill-amministrazzjoni tal-isptar biex il-ħin tal-viżti jieqaf.

Qal li bħalissa s-sitwazzjoni hija li s-sieħeb jista’ joqgħod fejn l-omm mill-bidu sal-aħħar tal-ħlas. Spjega li wara l-ħlas, is-sieħeb iwassal l-omm fis-sala u jgħinha toqgħod u jitlaq wara.

Prof Muscat Baron qal li bħalissa għamlu l-ħinijiet tal-viżti bejn l-4pm u s-6pm u jistgħu jagħmlu siegħa fejn is-sieħba tagħhom.

Qal li minn 45 każ ta’ ommijiet li kellhom il-COVID li kien hemm każijiet ta’ sintomi iżda ma kienx hawn stejjer li kien hemm fl-Ingilterra u l-Amerka fejn kien hemm ommijiet li mietu u trabi li spiċċaw fuq ventilator. Qal li s’issa konna fortunati iżda l-varjant jinxtered aktar u għalhekk ma nistgħux nissograw.