Lokali
ARA: Il-mument li Maltin inqabdu fi protesta vjolenti f’Hong Kong

Żewġ Maltin li qegħdin fuq btala f’Hong Kong spiċċaw maqbuda fl-irvellijiet li għaddejjin bla heda f’dan il-pajjiż. Lawrence Attard tkellem ma’ TVM, eżatt wara li rnexxielu jaħrab minn protesta vjolenti li fiha ntefa’ l-gass tad-dmugħ mill-pulizija.

Lawrence Attard u James Agius, li jinsabu għal btala f’Hong Kong, illum inqabdu f’nofs id-dimostrazzjonijiet vjolenti li għadhom ibaqbqu. Minkejja li ż-żewġ Maltin ilhom hemm tlett ijiem li matulhom raw dimostrazzjonijiet fuq skala żgħira, qalu li llum kienet l-agħar ġurnata.

“Ħafna bricks li jaqilgħu jitfgħuhom f’nofs ta’ triq biex il-pulizija ma jiġux għalihom… rajnihom ikissru phone boxes u signposts,” fisser is-Sur Attard.

F’filmat li ġibed is-Sur Attard, id-dimostranti f’Nathan Road jidhru resqin lejn il-Pulizija b’mod organizzat. Wieħed mid-dimostranti jidher iwaddab oġġett lejn in-naħa tal-Pulizija, u f’dan il-waqt il-Pulizija tispara l-gass tad-dmugħ.

Kulħadd telaq jiġri jipprova jaħrab mill-gass, iżda Lawrence kien fost dawk li ma rnexxilhomx jevitawh għal kollox. “Nista’ ngħidlek li sidri u għajnejja, anqas nista’ ngħid kif ħassejthom, uġigħ kbir li qatt ma ħassejt bħalu.”

Wara dawn il-protesti f’din iż-żona nqala’ kaos kbir li baqa’ għaddej matul il-lejl. Bil-ħsejjes tas-sireni u l-ħornijiet fl-isfond, is-Sur Attard qalilna hekk: “Għidli kif tista’ torqod – sireni, ħornijiet, ħadd ma jista’ jgħaddi minn imkien.”

Is-Sur Attard kompla jgħid li l-protesti mhumiex qegħdin mifruxa ma kullimkien, u fil-fatt fil-jiem li ġejjin beħsiebhom ikomplu jżuru postijiet varji. Xorta iżda ma jafux ma xiex jistgħu jiltaqgħu, tant li għada anki l-iskejjel se jibqgħu magħluqa.

“Inkunu qegħdin mexjin, tara daqs għaxra, tnax-il vann u trakkijiet tal-Pulizija jkunu sejrin ma nafx fejn wara xulxin, u l-ħin kollu tisma’ l-ħsejjes tas-sireni, u l-gass tad-dmugħ tista’ tgħid minn kull triq li tkun miexi xxommu,” qal is-Sur Attard.

Il-protesti f’Hong Kong bdew f’Ġunju li għadda b’rabta ma’ liġi ġdida li tippermetti residenti ta’ Hong Kong suspettati b’reat biex jiġu estraditi lejn iċ-Ċina.

Aħbarijiet Oħra
Politika

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, allega li l-Prim Minsitru ta lill-eks Kummissarju tal-Pulizija, Lawrence Cutajar, kuntratt ta’ konsulenza biex ikkonvinċieh jitlaq minn Kummissarju. F’diskors il-lejla f’Ta’ Sannat, Dr Delia saħaq…

Saħħa

Il-coronavirus daħal fl-Ewropa. L-ewwel tliet każi kienu konfermati fi Franza, b’żewġ pazjenti jinsabu fi sptar f’Pariġi u ieħor fil-belt ta’ Bordeaux. Tnejn mill-pazjenti jiġu minn xulxin. Il-virologu, Christopher Barbara, li…

Lokali

Minn hawn u xahrejn oħra, se tibda tiġġenera l-elettriku l-ikbar solar farm f’Malta. B’daqs ta’ 90 tomna, is-solar farm privata, li tinsab fil-limiti tal-Imġarr, tesa’ madwar 17,000 pannella tax-xemx. Fl-istess waqt,…

Aktar